Lejla mżewqa b’melodiji klassiċi u operistiċi famużi mad-dinja kollha.
Dan hu li se joffri l-avveniment ‘Opera in the Capital- The Three Tenors’ li se jirritorna għat-tielet sena konsekuttiva nhar l-Erbgħa, it-28 ta’ Ġunju. L-avveniment se jibda fid-9 ta’ filgħaxija u se jsir fi Pjazza San Gorg, fil-belt kapitali.
Tlieta mill-aqwa tenuri Maltin – Alan Sciberras, Cliff Zammit Stevens, u Nico Darmanin – se jkunu akkumpanjati mill-kantanta Chiara hekk kif se jħejju spettaklu b’diski klassiċi u moderni. Din it-taħlita ta’ mużika se toffri dinamika unika lill-udjenza.
It-tenur Cliff Zammit Stevens qal li jħossu onorat u mimli entuzjażmu, anki minħabba l-fatt li l-kunċert din is-sena se jkun kemxejn differenti għax se jkun hemm l-akkupanjament tal-kantanta Chiara.
“Qed naħdmu fuq ċerti arranġamenti magħha, kif ukoll mal-orkestra, li n-nies forsi qatt ma raw għaliex Chiara ma naħsibx li għamlet kunċert ma’ tliet tenuri, bi ftit mir-ripertorju tagħha u xi ripertorju ieħor ukoll.”
Il-Ministru responsabbli mill-Arti, Owen Bonnici, irringrazzja lill-artisti u lil dawk kollha involuti fit-tħejjija tal-avveniment, inkluża l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, li qed torganizza l-avveniment.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, qal li s-sbuħija tal-belt kapitali taqbel perfettament mas-sbuħija tas-siltiet li se jiġu ppreżentati waqt dan il-kunċert ta’ livell għoli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Catherine Tabone, saħqet li din hija pjattaforma fejn l-artisti jistgħu juru l-kapaċitajiet tagħhom u qalet li din l-opera se toffri atmosfera mill-isbaħ f’belt kapiltali mill-isbaħ. Hija spjegat kif id-dkiski se jikkonsistu minn arji operistici u kanzunetti klassici kif ukoll ta’ generu pop u cross overs.
“Bel Canto, qed nitkellmu f’dal każ ta’ dan il-kunċert, Bellini u Donizzetti, u għandna wkoll, imbagħad, ripertorju verista fejn jidħol, pereżempju Ponchielli, Puccini eċċetra. Imma wkoll għandna tip ta’ kanzunetti li huma crossover bħal Who Wants to Live Forever, Io Vivo Per Lei, Mama…”
Dan il-kunċert se jsir taħt id-direzzjoni mużikali tal-Maestro Michael Laus u tal-Maestro Ryan Paul Abela.