Se jirritorna fil-Belt Valletta l-Malta Fashion Week, b’differenza minn dik tas-sena li għaddiet, għax din id-darba se tkun qed issir mingħajr ir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija.
Dan l-avveniment maħbub f’pajjiżna u anke barra minn xtutna huwa ċelebrazzjoni tal-moda u jagħti l-opportunità sabiex disinjaturi lokali stabbiliti, u anke ġodda, juru t-talent tagħhom.
Il-fundatur tal-Malta Fashion Week, Adrian Mizzi, stqarr li minkejja l-fatt li d-disinjaturi jkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni ta’ dan l-avveniment, hemm ħafna aktar talenti marbuta mal-avveniment.
Apparti minn hekk, huwa ħabbar li l-Malta Fashion Show tas-sena l-oħra, minkejja r-restrizzjonijiet li kellu, iġġenera mal-miljun u nofs ewro fi tlett ijiem biss, u bl-istess mod din is-sena se jkompli jdawwar ir-rota ekonomika.
“Il-Fashion Week mhux toffri biss l-attenzjoni lil dawn id-disinjaturi. Il-Fashion Week tiġġenera l-ekonomija. Jekk naraw, għall-eżempju, il-launch party li għamilna, in-nies marru jixtru l-ilbiesi, iż-żraben, imorru għand il-hairdressers u l-make-up artists. Huwa settur importanti ħafna għal Malta, jiġifieri l-moda mhijiex għad-disinjatur biss.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, qal li dan l-avveniment jippreżenta opportunità sabiex tintwera l-kreattività Maltija, u stqarr li huwa kuntent bir-relazzjoni bejn l-aġenzija u l-Malta Fashion Week.
“Din hija okkażjoni oħra fejn il-programm kulturali tagħna huwa divers ħafna, u kuntent ħafna li l-kollaborazzjoni tagħna mal-Malta Fashion Week bħala aġenzija, issa daħlet fit-tmien sena tagħha.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo stqarr li dan l-avveniment juri kif pajjiżna għandu l-kapaċità li jikkrea u jsaħħaħ niċeċ ekonomiċi li jwasslu għal turiżmu sostenibbli.
“Huma diversi n-niċeċ li qiegħdin naħdmu fuqhom. Fosthom għandna n-niċċa tal-festival tourism, u hawn għadna kemm nedejna l-Malta Fashion Week, fejn għandna n-niċċa tal-moda, li kapaċi jkun mutur ekonomiku ieħor li jattira turiżmu ta’ kwalità lejn pajjiżna, u fl-istess waqt inkomplu ngħollu isem pajjiżna ‘l fuq lil hinn minn xtutna, fid-dinja internazzjonali.”
Intant, il-Ministru responsbabli mill-Kultura, Owen Bonnici, spjega kif il-kultura u l-ekonomija jimxu id f’id, bħalma jixhed dan l-avveniment.
“Aħna nemmnu li hemm talent enormi f’pajjiżna u dawn il-kollaborazzjonijiet bejn is-settur privat u l-Gvern jgħinu biex it-talent Malti li għandna f’pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem.”
Dan l-avveniment se jsir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta mill-għoxrin sat-tnejn u għoxrin ta’ Lulju.