Il-preparamenti għal staġun ġdid tal-programm popolari L-ARGUMENT għaddejjin ġmielhom biex għal darba oħra dan il-programm jibqa’ l-programm numru wieħed fil-gżejjer Maltin fejn tikkonċerna d-diskussjoni dwar il-futbol lokali u t-timijiet Nazzjonali Maltin. It-tim tal-produzzjoni tal-programm L-Argument għaddej b’ħidma biex għal skeda oħra jsaħħaħ il-kontenut kollu tal-programm partikolarment fejn jidħlu servizzi innovattivi u kuntatti diretti ma’ numru ta stadiums fejn ikunu saħansitra qegħdin jintlgħabu l-partiti.
L-Argument ilu jixxandar mill-1999 u għalhekk din ser tkun l-24 skeda tal-ħarifa li ser jerġa’ jixxandar dan il-programm bħal dejjem fuq ONE. Matul dawn is-snin kollha pparteċipaw fil-programm mijiet ta’ personalitajiet sportivi li dejjem sawru d-diskussjoni mqanqla li tattakka l-argument u suġġett diskuss iżda mhux l-individwu.
L-Argument qatt ma’ kellu aġenda moħbija iżda dejjem għaraf jinvestiga l-aħbar u mhux jispekula. Minkejja l-limitazzjonijiet li stazzjon privat ikollu, L-Argument dejjem kien preżenti wkoll f’avvenimenti internazzjonali kbar speċjalment fejn jidħol it-tim Nazzjonali Malti. Fost il-proġetti barra mill-pajjiż, L-Argument kien preżenti fl-Ingilterra u Spanja għal logħbiet ta’ kwalifikazzjonijiet differenti li kellu t-tim Nazzjonali Malti. Tul is-snin, L-Argument kien preżenti ukoll f’bosta pajjiżi oħra li fihom kien hemm jilgħabu plejers Maltin fejn twasslu servizzi esklussivi dwar l-avventura f’dak iż-żmien tal-plejers Maltin.
CLINTON BUHAGIAR – PREŻENTATUR
L-Argument huwa l-uniku programm sportiv li qatt rebaħ l-unur tal-aqwa programm sportiv fil-Malta Television Awards. Apparti minn hekk L-Argument, minkejja li ilu jixxandar għal bosta snin, xorta baqa’ l-aktar programm sportiv segwit fejn tidħol diskussjoni dwar futbol lokali. L-Argument ser jirritorna fl-iskeda tal-Ħarifa, fuq ONE.