Il-film, li se jiftaħ it-tieni edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival ta’ din is-sena, hu ‘The Count of Monte Cristo’, li wara li ntwera għall-ewwel darba f’Cannes ix-xahar li għadda, se tkun Malta li jkollha l-unur li turi dan il-premiere internazzjonali fit-22 ta’ Ġunju li ġej. Film b’uħud mix-xeni minnu jinħadmu f’pajjiżna stess.
Il-festival internazzjonali se jinkludi 15-il film, li se jkunu qed jikkompetu, b’seba’ films oħra barra l-kompetizzjoni, kif ukoll għażla ta’ seba’ films narrattivi u dokumentarji b’tema ta’ sostenibilità u ambjent fil-kategorija ‘Mare Nostrum’.
Sezzjoni ġdida se tkun dik ta’ ‘Future Visions’ – 14-il proġett immersiv li jirrakkontaw storja permezz tar-realtà virtwali b’teknoloġija avvanzata.
Iżda x’inhu l-iskop ta’ dan il-festival?
“L-iskop tal-Mediterrane primarjament hu li nġibu x-xogħol lejn pajjiżna. Hi industrija aggressiva ħafna, bħalna hemm ħafna pajjiżi li jipprovaw jattira l-aqwa films lejn pajjiżhom u aħna qed nagħmlu dan il-festival bl-għan ewlieni li nġibu x-xogħol lejn Malta, ħalli l-industrija tal-films tkompli tikber u s-servizz li noffru bħala pajjiż lejn din l-industrija jikber din is-sena u fis-snin li ġejjin. ”
Din is-sena wkoll se jittellgħu diversi masterclasses, fejn esperti minn setturi differenti tal-industrija tal-films se jkunu qed jaqsmu l-esperjenza u t-talent tagħhom ma’ kull min jixtieq jattendi għal dawn is-sessjonijiet informattivi.
Fost dawn hemm il-production designer tal-film ‘Wonka’ u ‘Dunkirk’, Nathan Crowley, il-casting director ta’ ‘Avatar’, ‘Top Gun’ u ‘Mamma Mia’, Margery Simkin, u r-rebbieħ tal-Palme D’Or u Bafta, Mike Leigh.
“Però, apparti minn hekk, nieħdu din l-opportunità ta’ edukazzjoni. Għaliex? Għax qed inġibu l-aqwa nies li, filwaqt li ndawruhom mal-pajjiż u nuruhom il-pajjiż x’joffri għal films futuri, qed nieħdu l-opportunità biex dawn in-nies li huma esperti fl-industrija tagħhom fis-sessjonijiet tal-films, jistgħu jagħtu lezzjonijiet varji lil dawk il-Maltin li huma interessati fl-industrija tal-films u forsi qatt ma kienu interessati u jixtiequ jidħlu fl-industrija tal-films... Se jkollna diversi esperti minn madwar id-dinja li se jiġu Malta u jagħtu dawn il-masterclasses u laqgħat ta’ diskussjoni. U allura se jkollna mill-fażi inizjali mill-conception, l-idea ta’ film, sakemm inti tiddistribwixxi l-film tiegħek. Appart minn hekk, masterclasses fuq editing, fuq sound, jiġifieri kull qasam tal-film se nkunu qed nagħtu dawn il-masterclasses mingħajr ħlas lil kull min interessat.”
Matul din il-ġimgħa ta’ spettaklu ċinematografiku, Pjazza San Ġorġ se tinbidel f’teatru miftuħ mal-lejl fejn se jintwerew diversi films li qed jikkompetu u oħrajn klassiċi, b’uħud minnhom maħduma f’Malta, bl-iskop li kulħadd ikun parteċipi f’din il-festa ta’ films.
“Se jkollna selezzjoni kbira ta’ films, li wħud minnhom se jintwerew għall-ewwel darba, bħalma hu pereżempju ‘The Count of Monte Cristo’, li wħud mix-xeni nġibdu hawn Malta. Dan għadu kemm intwera Cannes, kellu standing ovation ta’ 11-il minuta, u se jkun qed jintwera, qabel jintwera mad-dinja kollha, għall-ewwel darba f’Malta.”
Għalkemm dan il-wiri se jsir bla ħlas, kulħadd għandu jirreġistra għall-wiri tal-films li jippreferi fuq is-sit uffiċjali – mediterrane.com.
Il-qofol tal-festival jintlaħaq fis-serata finali meta se jkunu qed jingħataw il-Golden Bee Awards – premjijiet f’kategoriji differenti hekk kif ivvotati minn ġurija esperta magħmula kemm minn barranin kif ukoll Maltin.