Is-Sibt, disgħa ta’ Lulju se jirritorna l-kunċert tal-BBC Orchestra fuq il-Fosos tal-Furjana.
It-tema magħżula għal din is-sena hija ‘Classic Rock Anthems’ u l-kunċert se jkun tinkludi taħlita ta’ mużika mill-ġeneru rock u pop ta’ artisti ta’ fama mondjali bħal Queen, Prince, u Coldplay.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mil-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, fil-preżenża taċ-Chairman tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia, u r-rappreżentant tal-BBC, Jason Carter.
Jason Carter ta togħma ta’ dak li għandu jistenna l-pubbliku f’din is-serata.
Qal, “What we’re going to see is twenty of the biggest number one all time songs, so if you think about the greatest hits from The Rolling Stones or Tina Turner or The Beatles or Fleetwood Mac, that’s what you’re gonna hear, with a sixty piece concert orchestra and some fantastic singers.”
Dan il-kunċert jixxandar fuq l-istazzjon tar-radju Ingliż BBC Radio li jisimgħuh miljuni ta’ persuni kuljum. Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li dan jawgura tajjeb għax Malta tissemma bħala destinazzjoni turistika mhux biss għax-xemx u l-baħar, imma wkoll għal avvenimenti u divertiment.
Qal, “Dan ir-radio huwa segwit minn erbatax-il miljun persuna fil-ġimgħa u għaldaqstant, il-fatt li dan il-kunċert se jkun irrekordjat f’Malta, imbagħad jixxandar fl-Ingilterra, ser ikun qiegħed jgħin biex b’mod differenti, inkunu qed nagħmlu iżjed marketing ta’ pajjiżna waqt li nseddqu wkoll il-prodott turistiku li kapaċi noffru bħala pajjiż; kemm lit-turisti li jżuruna u kif ukoll lill-familji Maltin u Għawdxin.”
Iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia rrimarka li attivitajiet bħal dawn huma parti minn viżjoni għat-tul li għandha l-Awtorità għas-settur turistiku, biex pajjiżna jkun destinazzjoni ta’ avvenimenti għal kull età u jattira turisti differenti.
Qal, “Malta hija destinazzjoni ta’ kwalità meta jiġu dawn it-tip ta’ brands jagħmlu l-performances tagħhom. Naturalment, dan jgħin biex jiġu turisti lejn pajjiżna sabiex jaraw din l-event, però tkabbar ukoll l-offerta għal turisti oħrajn li jkunu hawnhekk għal skopijiet oħrajn u jgħidu, ara filgħaxija hemm BBC Concert u ħa mmur narah.”
Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq is-sit elettroniku ta’ Visit Malta.