Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-programm uffiċjali tal-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex u tal-Karnival organizzat u dak spontanju tan-Nadur.
Il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex ser jittella’ mill-Ġimgħa 17 ta’ Frar sat-Tlieta 21 ta’ Frar 2023. Il-Ġimgħa, is-Sibt, it-Tnejn u t-Tlieta l-Karnival se jibda b’defilè fis-6.00pm minn ħdejn Villa Rundle tul Triq ir-Repubblika fejn jilħaq il-qofol tiegħu fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk) bis-sehem tal-parteċipanti kollha. Se jieħdu sehem diversi kumpaniji taż-żfin tal-kbar u taż-żgħar li flimkien magħhom se jkun hemm tliet skejjel, tnejn Għawdxin u waħda Maltija, maskri grotteski, baned lokali u karrijiet trijonfali. Il-Ħadd id-defilè tibda fit-3.00pm.
Il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali u t-Taqsima tal-Kultura – Direttorat għall-Wirt Kulturali, ilkoll fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, li jaħdmu qatigħ sabiex ikun organizzat il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex.
Ġie mħabbar ukoll li se jirritorna l-Karnival tan-Nadur, fejn se jibda b’dak organizzat nhar il-Ħadd 12 ta’ Frar fil-Pjazza bi programm ta’ ħames sigħat fejn se jieħdu sehem gruppi minn Għawdex u se jispiċċa bil-kukkanja tradizzjonali.
Il-Karnival spontanju li għalih in-Nadur hu tant popolari se jsir bejn is-17 u l-21 ta’ Frar fit-toroq taċ-ċentru tan-Nadur. Din is-sena huma mistennija kull tip ta’ kostumi u maskri, inklużi temi kontemporanji bħal gwerer, satira politika u aktar.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Wara assenza ta’ sentejn qed jerġa’ jsir il-Karnival spontanju tan-Nadur fi Frar, li jattira eluf ta’ Għawdxin u Maltin lejh, u – minkejja li huwa spontanju – jeħtieġ ħafna organizzazzjoni fejn tidħol loġistika u sigurtà. Il-Ministeru qed jgħin bis-sħiħ lill-Kunsill Lokali sabiex dan il-Karnival jibqa’ jattira lejh dawn l-eluf ta’ nies u jibqa’ jipprogressa u jikber għas-snin li ġejjin.”
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tan-Nadur Edward Said qal li, “Il-Karnival tan-Nadur jibqa’ fost l-aktar avvenimenti mfittxija fil-kalendarju tax-xitwa f’pajjiżna. Mistennija eluf kbar ta’ parteċipanti u viżitaturi sabiex jallegraw u jferrħu bil-kostumi tagħhom. Il-Kunsill Lokali jibqa’ kommess li jagħmel il-parti tiegħu sabiex il-Karnival spontanju tan-Nadur ikun ta’ suċċess.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-Ministeru kommess li jkompli jsostni attivitajiet li permezz tagħhom Għawdex jibqa’ jkun attrazzjoni matul is-sena kollha.
Ritratti: MGOZ