Fi tmiem il-ġimgħa li ġej, madwar madwar 40,000 ruħ mistennija joħonqu l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali għas-sittax-il edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival prestiġġjuż ‘Earth Garden’.
Kif ilu jagħmel sa mis-sena 2007, dan il-festival mużikali popolari se jservi ta’ pjattaforma fejn in-natura, il-mużika, id-diversità, u l-ħajja jiżżewġu flimkien.
Ir-ritorn bil-kbir, dis-sena, tal-Earth Garden se jservi biex dawk kollha li se jattendu u li għandhom għal qalbhom il-mużika, wara s-suċċess tal-edizzjoni tas-sena l-oħra, se jkollhom fejn jixxalaw minħabba li se jkun hemm xejn inqas minn ħames palkijiet.
Fuq dawn il-ħames palkijiet, ’il fuq minn mitt mużiċist internazzjonali u lokali se jkunu qed idewqu lil dawk preżenti ġmiel l-arti mużikali. Se tkun qed tiddomina mużika minn madwar id-dinja kollha: mużika reggae, l-alternative Rock, id-Dub, il-Hip-Hop, is-Psychedelic Trance, it-Techno, l-Acid, il-House, l-Electro, id-Drum ‘n’ Bass, u aktar.
Barra għażla kbira ta’ ikel, din id-darba wkoll l-Earth Garden se jissensibilizza lil dawk li se jattendu dwar diversi aspetti marbuta mal-ambjent. Dis-sena, esklussivament, se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ l fuq minn 50 bankarella li se jirrappreżentaw il-wirt kulturali ta’ diversi partijiet tad-dinja.
Bi 15-il sena esperjenza, pijunieri lokali fil-camping se jkun wkoll preżenti fl-Earth Garden ta’ din is-sena fejn wieħed saħansitra jista’ jqatta il-weekend hemmhekk.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti, fost l-oħrajn, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u ċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu, Gavin Gulia.