Il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru se jirritorna d-duo ikoniku tal-kantawturi, Chasing Pandora.
Il-kunċert, mistenni minn ħafna, bl-isem ta’ Chasing Pandora – Rendezvous, li se jsir fit-tmienja ta’ filgħaxija, fil-lukanda Embassy, il-Belt Valletta.
Chasing Pandora ser ikunu qed iġeddu l-memorji ta’ ħafna udjenzi bl-iktar diski ta’ suċċess fil-karriera tagħhom. Din is-serata għalhekk żgur se tibqa’ mnaqqxa fil-qlub ta’ dawk kollha li jattendu. Bit-titlu tiegħu, Rendezvous, dan l-avveniment għalhekk se jiggarantixxi esperjenza mużikali.
Magħrufa għall-ħila tagħhom li joħolqu konnessjonijiet intimi fi ħdan teatri varji, Chasing Pandora se jagħtu prestazzjoni mimlija emozzjonijiet u rakkonti. Il-vjaġġ mużikali se jaqsam l-evoluzzjoni tal-ħoss tagħhom, li jinkludi siltiet mill-ewwel album tagħhom ‘Mocking the Mockingbird’ u l-album ta’ warajh ‘The Driver and the Dancer’. Apparti l-kanzunetti klassiċi tagħhom, dawk li se jattendu se jisimgħu wkoll cover versions ta’ diversi kanzunetti, poeżiji oriġinali, u siltiet oħra.
Jakkumpanjaw lil Chasing Pandora fuq il-palk se jkun hemm numru ta’ mużiċisti, fosthom Danny Magro fuq il-kitarra, Ismael Azzopardi fuq il-keyboards, Steve Magro fuq il-bass, u Pawlu Portelli fuq id-drums.
Id-dħul għal dan l-avveniment huwa b’xejn.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq il-website tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna tagħha fuq Facebook.
Dan l-avveniment qed jiġi organizzat bħala parti mill-programm għal Strada Stretta imtella’ mill-Aġenzja Kulturali għall-Belt Valletta.