Erba’ membri fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar irrikużaw ruħhom milli jiddeċiedu dwar il-master plan ta’ Manoel Island.
Fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li Vincent Cassar, Victor Axiak, Joseph Brincat u Annick Bonello, qegħdin mingħajr preġudizzju jirrikużaw ruħhom anki jekk jemmnu li l-pożizzjoni tagħhom hi tennibbli biex jiddeċiedu fuq il-proġett.
Min qed joġġezzjona għal dan il-proġett kien ressaq ilment fuq il-membri tal-bord inkwistjoni peress li kienu ddeċidew fuq applikazzjoni oħra dwar il-proġett ta’ Manoel Island fl-2019.
L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li dawn il-membri qegħdin jirrikużaw ruħhom sabiex jiġi eliminat kull dubju li jista’ jitqies anki b’mod oġġettiv.
Madankollu l-istess membri tal-Bord sostnew li m’humiex qegħdin jitħallew f’pożizzjoni li jiddeċiedu b’mod seren u fil-libertà li tali pożizzjoni tagħhom fuq il-Bord tirrekjedi.