Raġel ta’ 31 sena mill-Pakistan tressaq il-Qorti akkużat li rrikatta tfajla ta’15-il sena, li jew ikollha x’taqsam miegħu sesswalment, jew ixerred ritratti tagħha għarwiena li kienu fil-pussess tiegħu.
Mazhar Mushtag deher dalgħodu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit akkużat li sforza lit-tfajla tipparteċipa f’attivitajiet pornografiċi, li pparteċipa f’atti sesswali u vjolenti magħha, li heddidha, u li pproduċa pornografija tat-tfal. Fil-Qorti, instema’ wkoll kif ir-raġel allegatament iffissa fuq it-tfajla wara li ltaqa’ magħha għal ftit drabi biss. Din eventwalment qalet li ma tridx tiltaqa’ miegħu iktar, u hu uża profili foloz fuq il-idja soċjali biex jheddidha li se jippubblika ritratti tagħha għarwiena.
Eventwalment, it-tfajla aċċettat li jkollha x’taqsam mal-akkużat, bil-patt li r-ritratti jitħassru.
L-Ispetturi Paula Ciantar u Jeffrey Scicluna talbu lill-Qorti biex taħtar espert biex jistudja informazzjoni teknika minn fuq il-profili fuq il-midja soċjali tal-akkużat.
Fil-Qorti żied jingħat li r-raġel kien ilu Malta tliet xhur wara li ġie pajjiżna bil-għan li jkun mat-tfajla wara li dawn bdew jitkellmu fuq Instagram.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, bil-Qorti ma taċċettax għaliex huwa ta’ riskju li dan jinħeles għalissa.
Il-Qorti ordnat li isem it-tfajla ma jkunx imxandar.