Luis Rubiales, il-President tal-Federazzjoni tal-Football Spanjola, qed jirrifjuta li jirriżenja wara li nfetħu proċeduri dixxiplinarji kontrih minħabba l-imġieba tiegħu fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa f’Sydney.
Skont il-midja Spanjola, hemm ċans li Rubiales jitlef xogħlu wara li bies lill-player Spanjola Jennifer Hermoso fuq ix-xoffa waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-medjali u t-trofew.
Huwa qed jisħaq li qed isirlu assasinju soċjali. Il-FIFA qalet ukoll li mistennija tagħti iktar informazzjoni fuq il-proċeduri dixxiplinarji li nfetħu meta tintlaħaq deċiżjoni finali.
Filwaqt li Rubiales ħareġ apoloġija permezz ta’ filmat talli bies lil Hermoso, il-Prim Ministru ta’ Spanja Pedro Sánchez qal li apoloġija ma hijiex biżżejjed.