Diplomatiku Russu veteran irreżenja minħabba dak li qed jiġri fl-Ukrajna.
F’messaġġ li għadda lbieraħ, huwa qal li f’għoxrin sena karriera tiegħu, qatt ma staħa b’pajjiżu daqs nhar l-24 ta’ Frar li għadda, meta bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Huwa żied jgħid li f’dawn l-aħħar snin ra tibdil fil-poltika barranija Russa, iżda l-istorja riċenti qed tħammarlu wiċċu.
Intant, f’indirizz virtwali lill-Forum Ekonomiku Dinji, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky reġa’ ħeġġeġ għal sanzjonijiet aktar ibsin fil-konfront tar-Russja, b’mod speċjali fis-settur tal-enerġija; kif ukoll biex il-banek Russi jiġu projbiti mis-sistema globali u jinqatgħu kompletament mill-kummerċ internazzjonali.