Jirreżenja d-direttur tal-komunikazzjoni għall-Gvern Ingliż Lee Cain, filwaqt li hemm xnigħat li jista’ jilħaq il-Kap tas-Segretarjat. Ir-riżenja ta’ wieħed mill-persuni qrib il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, ġiet fost rapporti ta’ tensjonijiet interni f’Downing Street.
Fi stqarrija, huwa qal li se jkun qed jitlaq minn Downing Street ix-xahar id-dieħel, dan minkejja li ġie offrut l-irwol tal-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru Johnson.
It-tluq ta’ Cain qanqal ukoll spekulazzjoni dwar il-futur tal-konsulent ewlieni ta’ Johnson, Dominic Cummings. Madanakollu, opinjonisti politiċi qalu li għalissa Cummings se jibqa’ jservi lill-Gvern Ingliż.
Cain u Cummings ħadmu flimkien għal diversi snin, fosthom waqt il-kampanja favur it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.