Il-messa in scena mill-imkejjen tad-Dar Ċentrali li rat lil Jason Azzopardi u Adrian Delia jpaċu permezz ta’ stqarrija wara sensiela ta’ attakki mmirati lejn xulxin ġabet reazzjonijiet imħallta.
Fl-istqarrija Jason Azzopardi kellu jirtiraw allegazzjonijiet li kienu arma kruċjali biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap u joħodlu postu Bernard Grech.
Fuq Facebook partitarji Nazzjonalisti qalu tagħhom u bħal donnu qed jaraw xi serje televiżiva lkoll għaddew il-kummentarju tagħhom. Fost l-oħrajn kien hemm min innota, kif f’temp ta’ ftit sigħat ġew irtirati pataflun allegazzjonijiet li saru mid-deputati fil-passat. Wieħed fil-fatt staqsa x’turi din dwar il-Partit u staqsa jekk l-irtirata minn Jason Azzopardi saritx wara pressjoni fuq id-deputat.
Madankollu, oħrajn ħarġu juru l-għadab tagħhom wara li l-istqarrija iswed fuq l-abjad turi li Jason Azzopardi kien qed jigdeb fuq Adrian Delia. Oħra stqarret kif wara tliet snin jintefa’ t-tajn fuq Adrian Delia issa Jason Azzopardi rtira kollox u qisu qatt ma kien xejn. Hija kompliet tgħid kif Jason Azzopardi mhu xejn għajr mażżra m’għonq il-partit.
Partitarju ieħor tal-Partit Nazzjonalista qal kif b’din l-istqarrija ntwera kemm il-partit hu bla kuraġġ li jieħu l-passi xierqa. Huwa qal kif messhom ġew imkeċċija ż-żewġ deputati. Filwaqt li partitarju ieħor qallu li l-partit spiċċa bla gazz, ieħor qal li din kienet kollha messa in scena u li l-qasma għadha hemm.
Kien hemm ukoll partitarji li ferħu lill-eks kap Adrian Delia u qalulu kif issa l-verità ħarġet b’daqqa ta’ pinna minn Jason Azzopardi nnifsu li ġmielu jallega.
Ieħor indirizza direttament lill-Partit Nazzjonalista u qallu kif daħak bihom. Qal li l-istqarrija konġunta bejn iż-żewġ deputati tikkonferma dan, iswed fuq l-abjad. Dan b’referenza ċara għall-allegazzjonijiet li waslu biex it-tesserati ma jerġgħux jafdaw lil Adrian Delia bħala kap u minflok iduru fuq Bernard Grech.
Fil-fatt ieħor staqsa il-għaliex Delia tneħħa minn kap meta issa Jason Azzopardi rtira l-allegazzjonijiet fuq Adrian Delia, fosthom li mmina lil David Casa.
Fil-fatt partitarju ieħor deher imxebba’ għall-aħħar bl-aġir ta’ Jason Azzopardi u spiċċa jtennilu għal darba tnejn biex la issa kellu jibla kliemu, iwarrab u jagħmel l-ispazju fil-partit. Dan filwaqt li stqarr kif fil-Partit Nazzjonalista m’għandux ikun hemm spazju, la għal Jason Azzopardi u għall-ebda deputat ieħor bl-istess atteġjament.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/05/07/juri-solidarjeta-ma-jason-azzopardi-u-jrid-li-l-pn-jinqasam/