“M’hemmx dnub li l-ħniena t’Alla ma tistax tilħaq u tħassar, ladarba ssib qalb li tindem u tfittex li tingħaqad mill-ġdid mal-Missier.”
Din parti mill-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku, li fost temi oħra jitkellem dwar l-abort, fejn fi tmiem is-Sena tal-Ħniena, ġedded il-poter li qassis jagħti l-assoluzzjoni lil persuna li tkun wettqet abort.
Dwar dan tkellimna mal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, li qalilna li l-Knisja Maltija tilqa’ din l-aħbar b’ferħ, għax twassal il-messaġġ li għalkemm is-sena tal-ħniena formalment spiċċat, l-attitudni ta’ ħniena tkompli.
“Il-qassis waqt li qed jirċievi xi ħadd li qed iqerr id-dnub tal-abort, issa għandu s-setgħa jagħti risposta immedjata li tkun risposta ta’ ħniena u li fl-istess ħin, lil min ikun dineb b’dan il-mod gravi, jinkoraġġih biex jipproteġi u jippromwovi l-ħajja għall-futur.”
Staqsejna lill-Arċisqof jekk dan il-pass tal-Knisja jfissirx Knisja inqas soda fuq il-prinċipji tagħha.
Bħall-Papa saħaq li l-abort xorta waħda jibqa’ dnub gravi, però m’għandu jkun hemm l-ebda ostaklu bejn it-talba għar-rikonċiljazzjoni u l-maħfra t’Alla.
“Is-sejħa għall-indiema dejjem tfisser ukoll stedina biex wieħed ibiddel il-qalb tiegħu. Il-Papa jinsisti ħafna: it-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja li m’hemm l-ebda dnub li ma jistax jinħafer. Minn naħa tagħna midinbin il-maħfra titlob ukoll li nbiddlu l-qalb tagħna. Il-ħniena tfisser ukoll bidu ġdid: it-tama li l-ħajja tagħna tkun aħjar.”
Għaldaqstant il-messaġġ tal-Papa hu li f’dawn il-każi l-irwol tal-qassis għandu jkun ta’ gwida, sostenn u konfort huwa u jakkumpanja lis-sogħbiena tul it-triq ta’ rikonċiljazzjoni.