Wara nuqqas ta’ tliet snin se jerġa’ jsir il-programm kulturali għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor. Dan tħabbar waqt konferenza stampa fiż-Żejtun mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u d-Direttur tal-Kultura, Dr Aleks Farrugia.
Waqt il-konferenza ngħat li se tingħata importanza kbira lit-tradizzjonalità, speċjalment minħabba li din il-festa ilha tiġi ċċelebrata mill-1543. Minbarra r-rabtiet reliġjużi, il-festa ta’ San Girgor hija magħrufa ukoll mal-ewwel għawma li ssir fl-ewwel l-Erbgħa wara l-Għid il-Kbir.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jgħin biex festi bħal dawn jibqgħu ħajjin u jitgħaddew minn ġenerazzjoni għal oħra.
Il-Ministru qal “Aħna jidhrilna li għandna dover illi nieħdu ħsieb li dawn il-festi jkomplu jikbru u jimxu ’l quddiem ,u għalhekk Illum nedejna programm sabiħ immens, programm ħelu bl-għajnuna tal-kunsilli lokali, u bil-Kunsill Reġjunali tan-Nofsinhar, biex inkomplu nippromovu din il-festa li hija tant għal-qalb il-Maltin u Għawdxin li jżuruha.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, irrikonoxiet l-irwol importanti tal-attivitajiet kulturali fis-soċjetà filwaqt li enfasizzat il-kontribut li dawn jagħtu fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali, bil-benefiċċju addizzjonali li jagħtu spinta lill-ekonomija lokali u jrawmu l-koeżjoni soċjali.
Waqt il-konferenza stampa, id-Direttur tal-Kultura, Dr Aleks Farrugia, ħabbar ukoll rebranding mid-Direttorat tal-kultura. Huwa spjega li l-logo il-ġdid ġie ispirat mid-disinn tal-maduma tradizzjonali Maltija. Fih il-kuluri ta’ tlugħ ix-xemx fuq il-Port il-Kbir, li huwa simbolu ta’ jum ġdid u għalhekk il-ħarsa lejn il-ġejjieni. Barra minn dan, il-port jissimbolizza l-ftuħ tal-baħar, simbolu tal-konnettività mal-bqija tad-dinja.