Raġel li ppreżenta rapport tal-pulizija dwar programm li jippromwovi prattiċi ta’ konverżjoni b’rabta mal-orjentazzjoni sesswali qal lill-Qorti li għamel hekk għax din ‘l hemm imsejjħa terapija tikser il-liġi.
Dan hekk kif kompla jinstema’ l-każ kontra Matthew Grech, Mario Camilleri u Rita Bonnici li qed jiġu akkużati li kisru l-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, u l-Espressjoni tal-Ġeneru billi rreklamaw it-terapija tal-konverżjoni, wara li wrew b’mod dirett xandira li matulha Grech ippromwova l-prattika illegali tat-terapija tal-konverżjoni għal persuni gay.
Matthew Grech huwa membru tar-River of Love u pubblikament, għal aktar minn darba qal li huwa kien persuna omosesswali u għax sab lill-Alla ħareġ minnha.
Grech jifforma parti mill-Partit ABBA.
Fix-xhieda tiegħu r-raġel xehed li l-programm innifsu kien eżerċizzju fil-promozzjoni ta’ terapija ta’konverżjoni tal-omosesswali. Huwa xehed ukoll li fil-filmat, dawn il-prattiċi ġew spjegati b’mod ċar, u żied jgħid ukoll li Grech qal li hu ma jaqbilx mal-liġi li tipprojbixxi dawn il-prattiċi ta’ konverżjoni.