Permezz tal-iskema Irrestawra Darek maħruġa, mill-Awtorità tad-Djar, sid ta’ dar vojta f’Ħal Qormi seta’ jagħmel l-arranġamenti neċessarji sabiex din tkun tista’ tgħaddi għand l-Awtorità tad-Djar u fiha jgħixu familji li jikkwalifikaw għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
B’din l-iskema, is-sid tal-proprjetà imbagħad jirċievi kera maqbula mingħand l-Awtorità tad-Djar għal għaxar snin sħaħ.
B’din l-iskema, l-Awtorità tad-Djar toffri sa €25,000 lil sidien ta’ djar battala.
Is-sid tad-dar f’Ħal Qormi qal li bis-saħħa ta’ din l-iskema seta’ jagħmel xogħlijiet li kieku ma kinux ikunu possibbli.
Fi żjara f’din id-dar, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li sa issa din l-iskema fissret erbgħa u għoxrin soluzzjoni għall-familji li kellhom bżonn l-kenn ta’ dar.
Qal permezz tar-restawr ta’ djar battala qed nipprovdu dar adegwata lill-familji li jeħtieġu saqaf diċenti u noħolqu soluzzjonijiet ġodda għall-bżonn.
Qal, “Hemm il-fiduċja ta’ diversi sidien li ukoll applikaw għal din l-iskema u kienu lesti jafdaw l-propjetà tagħhom lill-Awtorità tad-Djar mhux biss qed tkompli tgħin sabiex titnaqqas l-lista ta’ stennija imma wkoll qed nkomplu nsaħħu l-istokk u nagħtu xi ħaġa lura lill-ambjent filwaqt li wkoll huwa importanti li ma nħallux propjetà abbandunata imma nerġgħu nutilizzaw l-istokk li sal-lum il-pajjiż ma kien qed jieħu xejn minnu”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid Mckay qal li sas-sena l-oħra kien hemm inqas minn elfejn persuna li jinsabu fuq il-lista ta’ stennija għall-Akkomodazzjoni Soċjali u dan anki riżultat tal-iskema Irrestawra Darek.
Spjega, “Din nindirizzawha b’modi differenti. Il-lista ta’ stennija ma tindirizzahiex biss billi tipprovdi stokk ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali iżda tara wkoll li għandna stokk li llum huwa dilapitat kemm jekk huwa tal-Gvern kif ukoll dak privat tara li tinċentiva miżuri biex dak l-istokk jiġi għand l-Awtorità u għalhekk jiġi allokat għall-iktar persuni li huma ġenwinament fil-bżonn.”