Albert Gambina u Dorian Vassallo huma ż-żewġ Maltin li qattgħu l-aħħar xahar jaqdfu fuq kayak madwar Sqallija b’risq il-fondazzjoni Inspire, u s’issa ġabru aktar minn għoxrin elf ewro.
Apparti minn hekk, huma qadfu wkoll minn Malta għal Sqallija biex b’hekk huma qadfu distanza ta’ aktar minn elf kilometru.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon mal-wasla tagħhom minn Sqallija, huma tkellmu dwar il-vjaġġ mimli sfidi. Huma spjegaw li mal-lejl raqdu f’tined fuq bajjiet, u kielu biss dak li kellhom bżonn għall-enerġija.
Dorian qal kif kienu jqattgħu il-ġurnata tagħhom kuljum.
Qal, “Il-vjaġġ innifsu, ma kienx ġita. Kienet iebsa ħafna, konna naqdfu, biex nagħti perspettiva ta’ kif kienet tikkonsisti l-ġurnata. Konna nqumu prattikament fis-sitta ta’ filgħodu, fis-sebgħa, s-sebgħa w nofs konna nibdew naqdfu, konna naqdfu distanza ta’ bejn għoxrin u ħamsa w għoxrin kuljum.”
Tenna li din ir-rutina kienu jirrepetuha kuljum mingħajr waqfien, iżda meta kienu jaraw id-donazzjonijiet għall-Inspire kuljum jiżdiedu, dawn qawwew qalbhom, u baqgħu jaqdfu.
Min-naħa tiegħu, Albert Gambina stqarr kif ħaġa li spikkat waqt il-vjaġġ kollu, kien il-ġenerożità tal-Isqallin, li meta raw liż-żewġ qaddiefa bi ftit ikel mingħajr saqaf fuq rashom, tawhom x’jieklu u stidnuhom fi djarhom.
Spjega, “Aħna konna naqra sorpiżi li nies li ma konniex nafuhom stednuna f’darhom u tawna x’nieklu. Konna f’postijiet li ma tantx kienu sbieħ u konna qed nibżgħu li se jagħmlulna xi ħaġa, anzi bil-kuntrarju. Meta raw li ma tantx kellna x’nieklu, ġabulna l-pizza u x’nieklu mingħajr ma saqsejnihom.”
Huma għalqu b’appell lill-pubbliku sabiex jagħmlu d-donazzjonijiet tagħhom ma’ fondazzjoni li taħdem mal-persuni b’diżabilità, waqt li għadhom fiċ-ċans.
Qal, “Iktar ma n-nies jistgħu jagħtu, il-ftit li jistgħu jagħtu, ovvjament ġid biss jistgħu jaraw.”
Kull min jixtieq jagħmel id-donazzjoni tiegħu, jista’ jagħmel dan minn fuq is-sit, inspire.org.mt.