Il-ħin kważi t-tmienja ta’ filgħaxija, il-bullettin tal-aħbarijiet ta’ ONE wasal lejn tmiemu iżda waslitilna aħbar ta’ qsim il-qalb.
Le ma stajniex ma nsellmux lil missierna.
Felix Agius jew kif kulħadd kien jafu bħala Feliċ miet fl-età ta’ tlieta u sebgħin sena.
Feliċ kien ġurnalist u editur mustaċċun.
Beda l-karriera fil-ġurnaliżmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’, li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press.
Wara huwa ngħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’.
Felix Agius għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-Isport qabel ma’ fl-1981 inħatar Editur tal-ġurnal ‘L-Orizzont’.
Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’ bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol.
Bosta li ħadmu miegħu kellmuna kif fuq xogħlu, Feliċ kien ġenwin u rispettat ferm.
Claudette Abela Baldacchino qaltilna: “Feliċ Agius kien il-ħabib ġenwin illi tana l-opportunitajiet, il-ġenwinità u l-onestà tiegħu mhux biss fuq ħbiberija iżda wkoll fil-pinna tiegħu għaliex kien jara li l-aħbar li jikteb tkun waħda ġenwina. Fuq kollox imma għal dawk li bħali bdejna naħdmu f’dan il-kumpless snin twal ilu kien ukoll il-missier tagħna, kien jistmana daqs uliedu.”
Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield stqarr: “Il-grupp ta’ ġurnalisti ta’ żmieni, Felix għallimna, għallimna ninvestigaw, għallimna l-ġurnaliżmu, għallimna nagħżlu l-fatt mill-allegazzjoni, għallimna nagħżlu l-fatt mill-kumment. Ma kienx jgħajjat imma leħnu kien jinstema’.”
L-eks mexxej Laburista u eks Prim Ministru Dr Alfred Sant irrakkonta magħna episodju li jibqa’ jiftakar meta kien propju Felix Agius, li tah l-aħbar li sar Membru Parlamentari permezz ta’ co-option wara li Dr Sant ġie mis-safar.
Dr Sant sostna: “U meta ġejt lura Malta, ma nafx illi ġejt magħżul biex inkun deputat insib lil Feliċ ma’ żewġt iħbieb oħra, Joe Borg u Mario Azzopardi biex jagħtuni l-bxara li kont sirt deputat Laburista. U dik allura tibqa’ memorja profonda għax Feliċ illi konna naħdmu daqstant mill-qrib imbagħad kellu jiġi jgħidli bxara li kienet bxara li ma kinitx mistennija.”
Intant kienu bosta li sellmu l-memorja ta’ Feliċ.
Il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħlu l-veteran li ma beża’ qatt mill-bidla.
Il-Partit Laburista rrikonoxxa l-ħidma sfieqa ta’ Feliċ fil-ġurnaliżmu filwaqt li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ta l-kondoljanzi lil qrabatu.
Illum inħossuna orfni għax ħalliena l-għalliem imma Feliċ malajr iwasslilna tbeżbiża u jgħidilna biex nibqgħu għaddejin għal għonq it-triq, kif kien jagħmel hu wara xi logħba tal-Bayern.
Feliċ l-editur, Feliċ il-ġurnalist ġenwin, Feliċ il-missier li kulħadd ħabbu.
Grazzi tal-pariri siewja, se ngħożżuk għal dejjem.