Aħna konna fuq in-naħa tas-sewwa u kellna raġun.
Hekk saħaq l-uniku membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista tal-elf disa’ mija sitta u ħamsin li għadu fostna, Salvu Sant.
Sittin sena wara li ġie impost id-dnub il-mejjet mill-Knisja mmexxija dak iż-żmien mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, Salvu Sant poġġa magħna għall-intervista.
Spjega, “Ifisser ħaġa waħda, aħna kellna raġun dak iż-żmien, fhimt. Inħarsu għal dak iż-żmien b’ċertu sodisfazzjon. Ħaddieħor jipprova jnessihom dawk l-affarijiet.”
Salvu Sant irrakkonta magħna kif il-Knisja kienet ħarġet kontra l-Integration, li ried il-Gvern ta’ Mintoff fil-ħamsinijiet biex pajjiżna jsir ħaġa waħda mar-Renju Unit u jkollu l-istess livelli t’għajxien li kellu dak iż-żmien il-ħakkiem f’daru.
Spjega li l-interdett fi snin fejn il-Knisja kellha saħħa enormi, fisser żmien diffiċli.
Qal, “Sena wara l-partit ħareġ stqarrija, x’nemmnu u ma nemmnux u taw l-Interdett ukoll lill-partit. Issa tinsix, sittin sena ilu, meta qed nitħaddtu, ċertifikat tal-magħmudija kont għadek tiddependi m’għand il-kappillan.”
L-interdett fisser li jekk imqar taqra l-gazzetta tal-Partit Laburista kont qed tagħmel id-dnub il-mejjet.
Fi Frar tal-elf disa’ mija tnejn u sittin saret elezzjoni ġenerali, li minkejja d-dnub il-mejjet għal dawk li jappoġġjaw il-Partit Laburista, iżjed minn wieħed u ħamsin elf votant ivvutaw lill-Partit tal-Ħaddiema.
Dawn kienu tassew suldati tal-azzar.
Salvu Sant irrakkonta magħna dwar x’kien jiġri waqt il-meetings tal-Partit Laburista f’dawn iż-żminijiet, hekk kif kienu jsiru diversi protesti, fejn anke kienu jaqilgħu t-tgħajjir u jdoqqu l-qniepen. Irrakonta x’ġara wara wieħed mill-meetings f’Għawdex.
Qal, “Meta nżilna biex ninżlu bil-vapur, dak iż-żmien vapur wieħed kien jaħdem u kien hemm xi tliet vjaġġi u naqilgħu xebgħa ġebel minn hemm fuq u niftakar kien hemm wieħed Joe Carbonaro, li imbagħad sar Sindku ta’ Bormla, kien qasmulu rasu u daħħalnih f’garaxx. Niftakar kont tajtu l-maktur u kien hemm De Gray, il-Kummissarju tal-Pulizija. Għedtlu m’intiex tara x’inhuma jagħmlu, għedtlu minn hemm fuq, baraxx ġebel u dan. U kellna biċċa xogħol, vapur ġie, reġa’ ġie l-vapur, kien hemm il-ħin.”
Sittin sena wara, it-tbatijiet ta’ dawn in-nies ma jintesewx u l-interdett jibqa’ bla dubju tebgħa sewda fl-istorja politika Maltija.