April 1942.
Niżlu xita ta’ bombi fuq dan ix-xiber t’art.
Biżejjed ngħidu li f’dan ix-xahar biss niżlu qrib is-seba’ t’elef tunnellati ta’ bombi mill-qawwiet tal-Assi.
Iżda f’dan ix-xahar, bħala turija ta’ qlubija, ir-Re Ġorġ Sitta ta l-George Cross lil Maltin.
Il-George Cross huwa t-tieni l-aktar unur prestiġjuż fl-għoti tal-unuri mill-monarkija tar-Renju Unit u għalkemm ngħata aktar minn erba’ mitt darba, ingħata biss darba lil pajjiż fid-dinja, lil Malta.
Duminku Grima, Belti ta’ disgħin sena jiftakar l-avveniment ta’ meta r-Re Ġorġ Sitta ta l-George Cross lil Malta fil-ħmistax ta’ April ta’ tmienja u sebgħin sena.
Għalkemm l-għoti tal-George Cross kien bħal-lum, iċ-ċerimonja saret f’Settembru fejn il-Prim Imħallef George Borg kien ħa s-salib tal-qlubija minn id il-Gvernatur Lord Gort.
Duminku jiftakar b’mod ċar iċ-ċerimonja li kienet saret qalb it-tifrik fi pjazza San Ġorġ.
Huwa stqarr: “Niftakar li kienet se ssir ċerimonja u tlaqt il-pjazza mill-ewwel. Kulma rajt iċ-ċerimonja meta beda jaqra, l-unur li tana King George, il-pjazza kienet ippakkjata minħabba ċ-ċerimonja li kien hemm.”
Minkejja li kien tifel, Duminku jiftakar il-kuntrast, minn Belt mimlija ħajja u nies joħorġu għax-xogħol sa minn kmieni fl-erbgħa ta’ filgħodu, għal kapitali tal-baħħ.
Huwa sostna: “Il-Belt kienet full house b’operazzjoni kbira. Qatt ma bżajt. Meta qaluln se jinvaduna, baħħ konna, it-triqat kont qiegħed fit-telgħa ma tara lil ħadd ta’.”
Jiftakar mumenti meta f’Malta kien hawn xita ta’ bombi mill-ajru.
Duminku kompla jispjega: “Bil-lejl malli nixegħlu s-search lights kont noqgħod nitla fuq narahom sakemm jaqbduh, jorbtuh u daqshekk u ħafna neżlin bil-parachute.”
B’ċertu dettall jiftakar ukoll f’dak li kienet tipprepara ommu għall-familja fil-kċina, flimkien mal-ħobż u z-zokkor.
Duminku kopla jiftakar: “Ommi kienet tagħmel ħafna tort tal-pastard, kien ikollna ta’ torti konna nieklu bihom.”
Bi tbissima qalilna li minkejja li kien żmien ta’ sagrifiċċju, għexuh u ħarġu minnu bħala familja magħquda.
Huwa kompla jgħid: “Niftakar ma’ ommi neżlin, jintefa’ d-dawl, jgħaddi r-riħ tal-bomba, kont immur ngħin fil-Quddies ta’ Nazzarenu. Il-bombi jmorru fil-baħar, il-knisja tiċċaqlaq għalkemm ma laqtuhiex.”