It-Tnejn 28 ta’ April tal-1958. Jum mhux bħal tas-soltu, hekk kif il-poplu Malti qam biex juri s-sentimenti b’saħħithom favur nazzjon ħieles mill-ħakkiema Ingliżi.
Dan l-avveniment seħħ wara diversi żviluppi politiċi li pajjiżna għadda minnhom fil-ħamsinijiet. Lura fl-1958, il-Perit Mintoff sar għall-ewwel darba Prim Ministru ta’ Malta u bl-għajta li Malta tingħaqad mar-Renju Unit jew inkella tkun indipendenti.
It-taħdidiet tal-integration sfaxxaw fix-xejn hekk kif il-ħakkiema Ingliżi bdew jagħtu s-sensji lill-ħaddiema li kienu jaħdmu mas-servizzi Ingliżi, b’dawk magħrufa bħala Run Downs.
Sebat ijiem qabel l-irvellijiet, Mintoff irriżenja minn Prim Ministru anki permezz ta’ dikjarazzjoni li tibqa’ tissemma’:
“Quddiem Alla għandna raġun. Issa sta għalina li dan ir-raġun nieħduh ukoll mingħand in-nies ta’ din id-dinja. Jekk inkunu ġwejjed aħna, jisħtuna wliedna u wlied uliedna. Illum waslet is-siegħa meta kull Malti jrid bil-fatti juri li Malta, għalina, tiġi l-ewwel u qabel kollox.”
Intant, l-inkwiet tat-28 t’April deher mill-bidu.
Il-General Workers’ Union ordnat strajk ġenerali, bil-Gvern Ingliż immexxi mill-Gvernatur Robert Laycock ma ħalliex lil General Workers’ Union tagħti l-ordnijiet tal-istrajk minn fuq ir-redifussion iżda l-istrajk sar u qam l-inkwiet permezz ta’ protesti partikolarment fil-Marsa u Raħal Ġdid, bl-agħar episodju jiġri fit-telgħa ta’ Kordin.
Joseph Abela ta’ 82 sena fissrilna kif huwa kien it-Tarzna u kellu jmur għax-xogħol bilfors iżda l-atmosfera ta’ inkwiet barra t-tarzna baqgħet tidwi:
“Xħin rawhom ġejjin is-suldati, aħna ngħidulha t-telgħa ta’ Kordin, bdew iwaddbulhom il-ġebel minn hemm hekk u kullħadd jitlaq jiġri għax ma kellniex biex niddefendu ruħna aħna, b’hekk kien ikollna nidħlu peress li apprentisti u konna jżommuna qisna maqfulin.”
Spjegalna kif kellu jmur lura lejn daru fil-Ħamrun bil-mixi u ltaqa’ mas-suldati Ingliżi li kienu għassa għal kull min jitniffes:
“Bdejna nibżgħu neżlin għax kull fejn tara s-suldati jimmarċjaw, għassa.”
L-Ingliżi arrestaw 99 persuna, b’ħafna minnhom weħlu sentenza ta’ ħabs fosthom l-eks Ministri Laburisti Patrick Holland, Bertu Hyzler u Agatha Barbara.
Illum dawn u s-suldati l-oħra tal-azzar ma jintesewx.