Ennio Morricone, il-kompożitur Taljan li n-noti tiegħu huma familjari għal kull widna, miet fi sptar f’Ruma fl-età ta’ wieħed u disgħin sena, wara li żviluppawlu kumplikazzjonijiet f’saħħtu.
Fost il-mużika li fassal il-kompożitur ta’ profil kbir hemm dik f’Once Upon A Time in America, The Untouchables u Cinema Paradiso.
Morricone rċieva Oscar onorarju fl-elfejn u sebgħa, u disa’ snin wara, fl-elfejn u sittax, rebaħ l-ewwel u l-uniku Oscar kompetittiv għall-mużika li ntużat fil-film The Hateful Eight.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Ruben Zahra, li kien jaf lil Morricone akkademikament u personalment, hekk kif għamel sentejn jistudja taħtu, u ftit wara mar jgħix Ruma fejn iltaqa’ mat-tifel tiegħu u saru ħbieb sew.
Huwa jiddeskrivi d-drabi li daħal għandu d-dar bħala esperjenzi f’mużew, fejn kien jara l-plakki u l-unuri li kien kiseb mal-ħajt u jibqa’ mistagħġeb.
Ruben qalilna l-aħħar darba li ltaqa’ ma’ Morricone.
Zahra stqarr, “Kont qiegħed Ruma f’Diċembru u kien hemm Premier sinfoniku tax-xogħol tiegħu, ma kontx naf li ħa jkun hemm u kien hemm mal-mara u kellimtu wara, rajt li naqas ħafna sentejn ilu ndunajt li naqas fil-fatt ma kienx jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu. Dik kienet l-aħħar darba li kellimtu u baqa’ jiftakarni, il maltese kien jgħidli, hija esperjenza sabiħa għandi ħafna memorji sbieħ bis-saħħa tat-tifel tiegħu sirt nafu wkoll fuq livell personali.”
Mill-ħafna memorji li Ruben għandu ma’ Ennio, jistqarr li kien pjuttost introvert, iżda jinbidel kompletament meta jkun jaf li jista’ jafda lil dak li jkun.
Jirrakkonta waħda mill-ħafna memorji li għandu miegħu, waqt ikla f’Ruma.
Zahra kompla jgħid,“Għadni niftakar, jiena kont għadni żgħir ħafna dak iż-żmien, kelli xagħri twil, u niftakar kont ħadt grazzja ma’ vjolinista mill-orkestra u ridt neħdilha n-numru tat-telefon biex nikkuntattjaha u ma kellix biro u kien tani l-biro tiegħu, qallu ħa mur ħudilha n-numru, qalli imma mbagħad għidli kif bqajt.”
Kellu wkoll dan xi jgħid fuq il-kapaċitajiet ta’ Morricone fil-kompożizzjoni tal-mużika għall-films.
“Morricone kellu dik il-kapaċità li jaqbad il-mument drammatiku tal-film, kemm jekk hija ġirja fuq l-iġmla fis-Sahara, kemm jekk huma waterfalls l-Amerka t’Isfel neżlin f’The Mission, l-ispaghetti westerns, fejn bis-saħħa tal-mużika, iddefinixxa ġeneru.” Temm jgħid Zahra.
Fit-toroq tal-kapitali Taljana fejn twieled, trabba u għex, Morricone kien magħruf bħala “Maestro” – titlu tabilħaqq mistħoqq hekk kif il-mużika tiegħu għamlitha f’aktar minn ħames mitt film f’seba’ deċenji.