Ir-Reġina Eliżabetta II ma kinetx tgħożż biss iż-żmien li qattet Malta u tqisu bħala fost l-isbaħ żmien ta’ ħajjitha, imma baqgħet tgħożż ukoll il-persuni li kienu jaħdmu f’Villa Gwardamangia.
Jessie Grech mill-Ħamrun, kienet qaddejja għal-Lord u Lady Mountbatten, u eventwalment tar-Reġina Eliżabetta II, li fi żmien li kienet Malta kienet għadha Prinċipessa, u żewġha d-Duka ta’ Edinburgh.
Bin Jessie, Tony, irrakkontalna kif ommu kienet fost dawk qrib ir-Reġina f’Malta, tant li baqgħu f’kuntatt anke snin wara meta r-Reġina Eliżabetta II ġiet ikurunata.
“Il-mummy kienet tirċievi Christmas card mingħand ir-Reġina u Prince Philip u baqgħet tirċivihom dawk san-1983 għaliex fl-84, il-mamà Alla jaħfrilha kienet mietet u jien informajt lill-Majestà tagħha r-Reġina li l-mamà mietet, u bħal speċi lqatt żewġ għasafar b’ġebla waħda għax bgħattilha li mietet u fl-istess ħin ma noqgħodx nirċievi Christmas card u mbgħad irrid noqgħod nerġa’ nirritornaha, għax il-Christmas cards kienu jiġu sealed u crossed bl-enevolope u tiffirma għalih.”
Tony uriena diversi dokumenti oħra li kienet tirċievi ommu biex tiltaqa’ mar-Reġina, fil-fatt hija kienet preżenti f’żewġ avventimenti importanti għar-Reġina.
“Il-mummy kienet telat għall-coronation tar-Reġina Alla jaħfrilha u mbgħad reġa’ kellha stedina oħra biex titla’ għas-silver wedding anniversary tar-Reġina, jiġifieri r-relazzjoni baqgħet hemmhekk.”
Fost il-ħafna memorji tar-relazzjoni bejn ommu u r-Reġina Eliżabetta II, Tony uriena ritratt ta’ meta r-Re Karlu III, jew Charlie kif kienet tgħajjatlu Jessie, kien għadu daqsxejn ta’ tfajjel. Fir-ritratt, huwa jidher ma’ oħtu l-Prinċipessa Anne flimkien ma’ Lord u Lady Mountbatten fil-bajja ta’ Xrobb l-Għaġin Dellimara.