Ħafna ġenituri b’ferħ iħarsu lura lejn il-memorja ta’ fejn it-tfal tagħhom jagħmlu l-ewwel passi tagħhom waħedhom.
Madanakollu għall-familja Portelli dawn l-memorji jwasslu sentimenti ta’ niket hekk kif binhom fl-età tenera ta’ 8 xhur waqa’ t-taraġ waqt li kien qed jitgħallem jimxi.
Mal-waqa’, tant kienu d-drabi li ħabat rasu, li filfatt illum huwa jħaddan il-kundizzjoni tal-Epilessija.
Frank Portelli l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Epilessija Caritas Malta qal li: “It-tifel disgrazzjatament li kien ġralu b’aċċident. Kien waqalna it-taraġ meta kellu 8 xhur u kien qed jitrenja fil-walker. Waqa’ kull darba jaħbat rasu mat-taraġ jiġifieri. Kien minn dak l-episodju li bdejna naraw l-ewwel episodji ta’ seizures”.
L-Epilessija hija kundizzjoni fejn fiha sfortunatament il-moħħ ma jaħdimx sew b’riżultat li dak li jkun jibda’ jsofri minn aċċessjonijiet serji.
Din il-kundizzjoni tolqot lil 1% tan-nies fid-dinja kollha. F’Malta iktar minn 4,600 persuna jħaddnu din il-kundizzjoni.
Is-Sur Portelli kompla jispjega kif minn dakinhar tal-inċident ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq hekk kif affarijiet li kienu jagħmlu qabel b’mod normali f’daqqa saru iktar diffiċli.
Huwa kompla jirrimarka li: “Ħajtek qisa tinbidel minn lejl għal nhar għax ma tibqax tagħmel dak kollu li kont tagħmel qabel. Fejn qabel konnha mmorru noħorġu nieklu barra u hekk jiġifieri gratilna darbtejn li jaqa’ barra u jispiċċa bil-punti f’rasu”.
Bħala ġenitur li qasam din il-kundizzjoni ma’ ibnu u bħala President tal-Assoċjazzjoni tal-Epilesija fi ħdan Caritas Malta, is-Sur Portelli f’jum li jfakkar din il-kundizzjoni, elenka xi suġġerimenti sabiex kemm jista’ jkun dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni jibqgħu jgħixu ħajjithom b’mod normali mingħajr ebda intoppi.
“Ngħidulhom dak kollu li jagħmlu ħaddieħor jagħmluh huma wkoll però bi ftit ta’ prudenza jiġifieri. Jekk sejjer tgħum tmurx tgħum waħdek. Jekk ħa ssajjar uża l-banja ta’ wara ħalli ma tinħaraqx. Tieħux banju u ħu shower”.
Intant mistoqsi dwar il-ħidma mill-Assoċċjazzjoni tal-Epilessija fi ħdan Caritas Malta, is-Sur Portelli spjega kif kull xahrejn il-Caritas ilaqqa’ vittmi tal-Epilessija u professjonisti flimkien darba kull xaharejn.
Dan mhux kollox hekk kif issa l-istess Assoċjazzjoni ser tkun qed tniedi ktejjeb b’suġġerimenti għal persuni b’xogħol fil-qasam pubbliku bħal għalliema u Pulizija f’każ li jiltaqgħu ma’ xi ħadd li jkun qed isofri minn xi aċċessjoni relatata mal-Epilessija.