Minkejja li dawn is-sittax-il sena mill-mewt tal-Papa l-Kbir qishom taru, xorta nibqa’ niftakar minuta b’minuta dak il-lejl meta Ġwanni Pawlu “Il-Kbir” kien irritorna lejn dar Missieru.
Qal dan ma’ ONE News l-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, Frank Zammit. Spjega kif kien is-Sibt 2 ta’ April, lejlet il-festa tal-Ħniena Divina meta ra lil Bruno Vespa bid-dmugħ f’għajnejh żvela l-mewt ta’ dan l-iġgant fl-istorja tal-umanità fuq il-programm tiegħu “Porta a Porta”.
Ftit wara, xena simili mid-Direttur tas-Sala Stampa tas-Santa Sede, l-mibki Prof. Joaquin Navarro Valls, jibki u fl-istess ħin iħabbar it-tluq minn din l-art tal-Pollakk.
Spjega kif ftit wara daħlu l-Isqfijiet Sandri u Comastri, llum iż-żewġ Kardinali li ħabbru l-mewt tal-Papa lill-fidili miġbura fl-eluf tagħhom fi Pjazza San Pietru wħud minnhom setgħu anke kienu fil-pjazza meta jiem qabel il-Papa kien deher għall-aħħar darba mit-tieqa li s-soltu kien jitlob l-Angelus minnha, imma dakinhar ma kienx irnexxilu jlissen kelma għax l-mard kien viċin l-att finali tiegħu.
Frank Zammit irrakkonta kif Sandri u Comastri bdew jirreċtaw ir-rużarju b’suffraġju għal ruħu. Fil-kamra fejn kien hemm il-ġisem bla ħajja tal-Papa kien hemm taħlita ta’ sogħba u ferħ. Is-Segretarju Partikolari tal-Papa, l-Isqof Stanizlaw Dsiwisz u l-oħrajn preżenti, saċerdoti Pollakki xegħlu l-kamra fil-massimu tad-dawl tagħha u kantaw it-Te Deum biex jirringrazzjaw lil Alla għar-rigal li kien ta lid-dinja bil-pontifikat ta’ Ġwanni Pawlu II.
Qal kif fil-pjazza kien hemm dieqa u anke ferħ u mat-tokki tal-qanpiena l-kbira li kienet għadha kemm għarfet lid-dinja kollha bit-tluq minn din l-art tal-Papa f’ħin minnhom dwiet fil-pjazza ċapċipa kbira ta’ ringrazzjament u apprezzament.
“Jien li naf ħafna mil-kollaboraturi tal-Papa li kien għadu kif miet iddeċidejt li nitla’ Ruma anke sabiex intih ir-rispett personali tiegħi,” qal magħna Zammit.
Spjega kif mal-wasla tiegħu fil-Belt tal-Vatikan kien quddiem il-kadavru tal-Papa qishu sa sagħtejn wara. Talab quddiemu u rringrazzjah ukoll għad-dawl illimitat li tah f’żogħżitu. Qal kif biex jara lill-Papa ma kienx qagħad fil-kju li ma jispiċċa qatt, ‘il bogħod minn Via della Conciliazione. Qal kif lilu kienu daħluh minn Porta Sant’ Anna u daħal mill-ġenb tagħha fejn sigħat qabel kienu niżżlu lill-Papa mill-Palazz Appostoliku.
Qal, “Mela jien u ħiereg minn quddiem il-Papa ħassejt bħall-kuxjenza tiegħi bħal tinbixni li ġejt nara lill-Papa mill-kju l-qasir. Iddeċidejt li nerġa’ nidħol narah mit-tieni kju. Imxejt sa fejn kien jibda l-kju u qadt metru aktar ‘il bogħod. Kont domt hemmhekk sakemm erġajt kont quddiem il-Papa kienu għaddew tnejn u għoxrin siegħa.”
Spjega kif dakinhar la raqad, la kiel u lanqas xorob avolja kien hemm fil-kju nies mir-Red Cross li bdew joffru ikel ħafif u fliexken tal-ilma bħala xorb.
Qal kif din l-istennija ma kinitx ward u żahar għal kulħadd. Uħud bdew jaqgħu b’ħass ħażin.
Temm jgħid kif però f’dik it-tbatija kien jinħass ħafna ferħ u jqisha li kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajtu.