Il-Partit ta’ Bernard Grech għandu ħafna x’jirrispondi u, għax iddisprati, qed jipprova jneħħi l-attenzjoni minn fuqu. Dan kien is-sentiment li joħroġ minn stqarrija tal-Partit Laburista b’rabta ma’ mistoqsijiet li tal-Partit Nazzjonalista għad fadlilhom xi jwieġbu.
L-istqarrija tal-Partit Laburista tirreaġixxi għal stqarrija aktar kmieni l-Ġimgħa tal-Partit Nazzjonalista li, f’dagħdigħa ta’ disprament, ħareġ jgħid li se jibdew investigazzjonijiet quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC.
Filwaqt li l-Partit Laburista ma jsib l-ebda oġġezzjoni li Ministri tal-Gvern jirrispondu l-mistoqsijiet li jsirulhom, donnu mhux l-istess hu tal-fehma l-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista poġġa numru ta’ mistoqsijiet li, għalihom, il-Partit ta’ Grech qed jirrifjuta li jwieġeb.
Dawn il-mistoqsijiet ivarjaw fuq bosta livelli u jimplikaw lil bosta esponenti fi ħdan il-PN, inkluż fil-konfront ta’ Roberta Metsola, fejn il-Partit Laburista staqsa għal kemm-il darba hi jew l-uffiċċju tagħha talbu biex Kurt Rizzo jkun is-security magħha u għaliex baqgħet muta quddiem l-akkużi li qed jiffaċċja l-istess uffiċjal tal-Pulizija.
Il-Partit Laburista kompla jistaqsi fuq l-istorja vera dwar is-€60,000 f’taxxi li Bernard Grech inqabad jevadi, x’inhi r-relazzjoni bejn Karol Aquilina u Jason Azzopardi, wara li dan l-aħħar saru ‘ħbieb’ wara li Azzopardi għajjar lil Aquilina “buġarrun”, u jekk Carm Mifsud Bonnici, Chris Said u Mario De Marco jistgħux jispjegaw għaliex qatt ma rritornaw iż-żieda kollha li ħadu fl-onorarja ta’ żmien GonziPN.
Minbarra hekk, il-Partit Laburista staqsa wkoll għalxiex tal-PN, li tant isejħu għar-riżenji minn filgħodu sa filgħaxija, ħarġu għonqhom tant għar-rappreżentant tagħhom fuq il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u x’qed iwaqqaf lil Bernard Grech milli jieħu azzjoni kontra Toni Bezzina, li jitħallas u ma jmurx għax-xogħol.
Anke Grech innifsu ġie mistoqsi jgħid kif qed jiġi mqabbad mill-fazzjoni estremista dwar x’għandu x’jagħmel u jgħid. Fazzjoni li tiddetta hi x’jiġri wara l-bibien tad-Dar Ċentrali.
L-istqarrija temmet tgħid li tal-PN fadlilhom ħafna aktar xi jwieġbu.