Is-Sibt filgħodu bosta dilettanti tal-ajruplani rħewlha lejn Ħal Far u Ħal Safi biex jaħtfu l-opportunità u jaraw mill-qrib wirja statika mill-isbaħ ta’ ajruplani tal-Patrouille Suisse, Flying Bulls Display u r-Red Arrows.
Attrazzjoni tant mistennija din is-sena kienu r-Red Arrows, li huma parti kbira mill-wirja tal-ajru għall-Malta International Airshow li qed jittella’ fuq jumejn.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/09/23202303/WhatsApp-Image-2023-09-23-at-18.37.57-1024x683.jpeg)
Minbarra l-wirja statika, li ħafna segwew mill-qrib, fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar bosta nġemgħu f’San Pawl il-Baħar, biex flimkien ma’ familthom setgħu jsegwu xow tal-ajru mill-isbaħ.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/09/23202317/WhatsApp-Image-2023-09-23-at-18.37.54-1024x683.jpeg)
Kien spettaklu mistenni minn bosta persuni hekk kif ta’ kull sena d-dilettanti tal-ajruplani u anke dawk tal-fotografija jkunu għatxana għal attività bħal din.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2023/09/23202348/WhatsApp-Image-2023-09-23-at-18.38.00-1-1024x654.jpeg)
Il-Malta International Airshow minn dejjem kienet popolari kemm mad-dilettanti tal-avjazzjoni Maltin kif ukoll mat-turisti li jiġu jżuru pajjiżna matul ix-xahar ta’ Settembru.
Ix-xow prinċipali se jittella’ l-Ħadd waranofsinhar u jista’ jiġi segwit minn biswit l-Akkwarju Nazzjonali, f’San Pawl il-Baħar.
Dan apparti li l-pubbliku jista’ jara l-ajruplani li qed jieħdu sehem ipparkjati nhar il-Ħadd bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar minn Ħal Farruġ quddiem l-SR Technics u mis-Safi Aviation Park.
Ritratti: DUNSKIE BORG