Din is-sena mal-400 uffiċjal pubbliku ggradwaw mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi. Dawn l-uffiċjali temmew kors b’suċċess f’diversi oqsma fosthom fil-public procurement regulations, public management toolkit u l-foundation course fil-customer care.
Għall-ewwel darba din is-sena, iggradwa l-ewwel korp ta’ 41 student li kisbu degreefil-Public Projects (mal-MCAST) jew degree fl-Amministrazzjoni Pubblika (mal-Università ta’ Malta). Barra minn hekk, bħala parti mill-għajnuna li s-servizz pubbliku jagħti lil dawk il-ħaddiema li jixtiequ jkomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom, tul iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni ngħata rikonoxximent lill-uffiċjal pubbliku li temm it-taħriġ tiegħu bħala marmista.
L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi ġie mwaqqaf fl-2016 bl-Università ta’ Malta u l-MCAST bħala msieħba strateġiċi tiegħu. Tul dawn l-aħħar tliet snin, mill-Istitut gradwaw b’kollox 850 uffiċjal pubbliku, u n-numru ta’ gradwati din is-sena rdoppja mill-2016, fejn kienu ggradwaw mal-254 uffiċjal.In-numru ta’ uffiċjali pubbliċi li ġew imħarrġa mit-twaqqif tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi mis-sena 2016, illum jammonta għal aktar minn 34,000 persuna.
F’diskors li għamel qabel ma ngħataw iċ-ċertifikati lill-gradwati, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fakkar li s-servizz pubbliku qiegħed hemm biex iwassal servizz ta’ kwalità lill-klijenti tiegħu, inklużi dawk fi ħdanu. Hu qal li s-servizz pubbliku hu msejjes fuq erba’ prinċipji; il-vuċi, id-disinn, il-pakkett u l-kontabilità.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni tkellem dwar kif l-IPS, li twaqqaf taħt il-kappa tal-People and Standards Division, hu parti minn kullana sħiħa ta’ miżuri li ttieħdu fl-aħħar snin biex iħarsu l-well-being tal-uffiċjali pubbliċi, jgħinuhom fit-taħriġ u jippreparawhom biex javvanzaw fil-karriera.
Għat-tieni sena konsekuttiva, din is-sena wkoll l-IPS nieda l-prospectus tiegħu u sal-1 ta’ Ottubru kien hemm madwar 450 uffiċjal pubbliku li ressaq l-applikazzjoni tiegħu. Din hi turija oħra ċara tal-fiduċja li l-uffiċjali pubbliċi għandhom fl-IPS.
Is-Sur Mario Cutajar semma numru ta’ tiġdid li l-amministrazzjoni pubblika mbarkat fuqu biex ittejjeb l-operat tagħha u li permezz tiegħu s-servizz pubbliku qed jitpoġġa fuq quddiem nett tas-soċjetà.
Iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Bord tal-Governaturi tal-MCAST, Frederick Schembri u mill-Prorettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Joseph Cacciottolo. Is-Sur Frederick Schembri semma kif l-iżvilupp teknoloġiku li għaddej bħalissa jagħti lok għal aktar taħriġ kontinwu għal dawk li jaħdmu f’diversi oqsma u għalhekk hi importanti l-kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-Gvern biex jissaħħaħ dan it-taħriġ. Il-Professur Cacciottolo qal li tul dawn it-tliet snin, is-sħubija bejn l-Università u l-IPS kompliet tissaħħaħ permezz ta’ korsijiet li jaqdu numru ta’ uffiċjali fis-servizz pubbliku biex dawn jagħtu servizz aktar professjonali, relevanti u effiċjenti.