Fi Frar ta’ din is-sena in-numru ta’ immigranti li qasmu ċ-ċentru tal-Mediterran kważi rduppjaw meta wieħed iqabbel ma’ Frar tas-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tal-Fruntieri l-FRONTEX fejn spjegat ukoll li fl-ewwel xahrejn tal-2021 in-numru ta’ persuni li qasmu miċ-ċentru tal-Mediterran illegalment żdied b’26% meta mqabbel mas-sena l-oħra.
B’kollox din is-sena qasmu l-4,300 immigrant bil-maġġoranza tagħhom kienu Tuneżini u mill-Kosta tal-Avorju. Minn dawn l-4,300 immigrant, kienu biss 65 li daħlu Malta f’żewġ żbarki separati u evakwazzjoni mill-ajru ta’ koppja b’emerġenza serja medika.
F’pajjiżna meta wieħed iqabbel l-ammont t’immigranti li daħlu din is-sena ma dawk li daħlu fl-ewwel xahrejn tas-sena li għaddiet wieħed jista jara tnaqqis ta’ 924 immigrant, tnaqqis ta’ kważi 94%.
Sa issa l-Gwardja tal-Kosta Libjana salvat ukoll aktar minn 3,700 immigrant li l-maġġoranza tal-immigranti li ġew interċettati mill-Awtoritajiet Libjani kienu ġejjin minn pajjiżi Afrikani.