Mis-sena 2010 sas-sena 2017, iż-żwiġijiet ċivili f’Malta u f’Għawdex irduppjaw. Dan hekk kif meta wieħed iqabbel l-ammont ta’ żwiġijiet ċivili li kien hemm fl-2010, fejn kien hemm 740 żwieġ, is-sena 2017 rat 1,394 żwieġ ċivil.
Qal dan il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat meta ġie mistoqsi mill-Whip tal-Gvern Byron Camilleri waqt seduta Parlamentari dwar kemm seħħew żwiġijiet f’Malta u f’Għawdex mis-sena 2010 sas-sena 2017 maqsumin f’dawk reliġjużi u dawk ċivili.
Mit-tgħarif ħareġ li filwaqt li fil-passat kien hemm aktar żwiġijiet reliġjużi, illum il-ġurnata ż-żwiġijiet ċivili qabżu lil dawk reliġjużi.
Meta wieħed iqabbel l-ammonti ta’ kull sena, is-sena 2010 kienet l-aktar sena li kien hemm żwiġijiet reliġjużi, fejn sal-2013 dan l-ammont niżel għal ftit aktar minn 1,200 żwieġ reliġjuż, bis-snin 2014 u 2015 jitla għal aktar minn 1,300 żwieġ reliġjuż u l-ammonti jerġgħu jonqsu fis-sena 2016 u 2017.
Sena | Ammont ta’ Żwiġijiet Reliġjużi f’Malta | Ammont ta’ Żwiġijiet Ċivili f’Malta |
2010 | 1547 | 740 |
2011 | 1444 | 838 |
2012 | 1490 | 1036 |
2013 | 1248 | 1065 |
2014 | 1317 | 1231 |
2015 | 1373 | 1284 |
2016 | 1262 | 1452 |
2017 | 1208 | 1394 |