Matul iż-żmien tal-pandemija fl-Isptar Monte Karmeli rduppjaw il-pazjenti li jbatu minn kundizzjonijiet u mard mentali.
Spjega dan iċ-Chairman kliniku tad-Dipartiment tal-Psikjatrija fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa Dr. Anton Grech hekk kif sostna li l-pandemija ġabet magħha fatturi li setgħu mmotivaw aktar każijiet ta’ kundizzjonijiet mentali.
Dr. Grech spjega wħud minn dawn il-fatturi.
“L-aktar kawża komuni hija l-istess u din is-sitwazzjoi tal-Covid-19 bidlitilna ħajjitna, biddlitilna l-istil ta’ kif ngħixu, ġabet ħafna stress, allura min kellu predispożizzjoni li jbati minn problemi ta’ saħħa mentali kellu dak li ngħidulu relapse.”
Spjega wkoll kif il-miżuri ta’ distanza soċjali għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, setgħu wkoll affettwaw b’mod ħażin lil dawk li jbatu minn dawn it-tip ta’ kundizzjonijiet hekk kif naqas il-kuntatt tagħhom ma’ dawk li s-soltu jsibu l-wens għandhom.
L-aħħar fattur huwa dak li permezz tiegħu ċertu persuni qed isibuha diffiċli sabiex jadattaw għaċ-ċirkostanzi differenti li ġabet magħha din il-pandemija u b’hekk jaqgħu fil-vizzji.
“Hawn nies li minħabba dan l-istress qed jużaw metodi ħżiena ta’ kif jiddealjaw mal-anzjetà li għandhom u dan l-iktar b’abbuż ta’ sustanzi bħal drogi u alkoħol u f’dan rajna żieda wkoll.”
Minkejja din iż-żieda sostanzjali Dr. Grech tenna li l-Isptar Monte Karmeli adatta tajjeb għaliex kienu mħejjija minn qabel.
“Ħsibna minn qabel li din is-sitwazzjoni tista’ tinqala u għalhekk preparajna ruħna b’tali mod li rranġajna s-swali u t-teams tagħna b’tali mod li nkunu iktar effettivi sabiex ngħinu lill-pazjenti u fl-istess ħin inkunu safe kemm jista’ jkun mill-Covid.”