In-numru ta’ ajruplani rreġistrati f’Malta irdoppja bejn l-2012 sa issa. Ikkonferma dan il-Ministru Ian Borg fl-indirizz tiegħu waqt is-7th Annual Mediterranean Business Aviation, li sar bil-għan li jgħaqqad l-avjazzjoni kummerċjali fl-Ewropa, fl-Afrika ta’ Fuq u fi Lvant Nofsani.Il-Ministru Borg esprima l-kburija tiegħu bis-settur, bin-numru ta’ ajruplani rreġistrati li rdoppja mill-2012, fatt li jfisser aktar minn 290 ajruplan reġistrat, u bin-numru ta’ individwi u entitajiet li għandhom Air Operator Certificate li żdied minn 18 għal 35 fuq l-istess perjodu. Waqt li kien qiegħed jitkellem fuq in-natura dinamika u x-xogħol bieżel tas-settur tal-avjazzjoni f’Malta, huwa qal li anke bħalissa diversi operaturi qegħdin jaqbdu diskussjonijiet mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, kemm biex ikabbru l-flotta kif ukoll biex jistabbilixxu rwieħhom bħala operaturi ġodda fil-ġurisdizzjoni tagħna.
Huwa spjega l-fatturi li wasslu għal dan is-suċċess kontinwu, fosthom l-introduzzjoni tal-Aircraft Registration Act fl-2010 u l-emendi sussegwenti. Dawn għenu biex jistabbilixxu lil Malta bħala hub tal-avjazzjoni, b’qafas legali li huwa b’saħħtu iżda flessibbli, u li għen lil Malta fil-proċess biex tibni grupp ta’ servizzi tal-avjazzjoni li jvarjaw minn manutenzjoni sa finanzjament. Il-Ministru aċċena wkoll għall-fatt li sa mill-21 ta’ Marzu 2016, Malta qed tibbenefika minn dawk li jissejħu skontijiet tal-Cape Town Convention, li jitilgħu sa 10% u huma applikabbli għal transazzjonijiet tal-iffinanzjar tal-ajruplani li huma appoġġjati minn aġenziji tal-kreditu tal-esportazzjoni.
Borg żied jgħid li Malta issa qed issir ukoll mexxejja f’varjetà wiesgħa ta’ servizzi li jappoġġjaw is-settur, u tħares ’il quddiem biex tkompli tespandi l-cluster impressjonanti tal-avjazzjoni tagħha billi tiġbed aktar kumpaniji tal-avjazzjoni jistabbilixxu n-negozju f’Malta. Huwa qal li għaxar snin ilu, ħadd ma seta’ jaħseb li l-industrija se tasal fejn hi llum, u tenna l-impenn tal-Gvern li jassigura miżuri li jħeġġu kwalità u valur miżjud għas-settur, u mhux biss volum.
Huwa tkellem dwar l-isfidi li ġab miegħu dan is-suċċess, proprju li hemm iżjed domanda għar-riżors uman milli hemm ħaddiema fis-settur. Fl-istess waqt, huwa esprima wkoll it-twemmin tiegħu li t-tkabbir tal-industrija nnifsu se joħloq il-komunità ta’ ħiliet li din teħtieġ biex issostni ruħha.
Il-Ministru tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jiffaċilita l-operat ta’ kuljum tal-kumpaniji tal-avjazzjoni, fosthom permezz tal-operat tar-regolatur kif ukoll billi jipprovdi l-infrastruttura xierqa, li t-tnejn li huma jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu. Il-Ministru Borg għalaq billi spjega li l-industrija tal-avjazzjoni mhijiex statika, u tenna l-approċċ miftuħ, proattiv u affidabbli tal-Gvern, u l-focus u l-impenn tiegħu li jassigura li l-industrija tkompli tieħu spinta.