B’dak li ġie approvat illum mill-Parlament, l-ammont massimu li l-konsumatur jista’ jiġi kkumpensat issa rdoppja għal €10,000.
Dan qed isir sabiex titjieb il-kompetenza ta’ dan it-Tribunal u jiġi żgurat li dan ir-rimedju effiċjenti u effettiv ikun disponibbli għall-maġġoranza tal-ilmenti tal-konsumaturi. Dan l-abbozz issa ġie approvat mill-istadji parlamentari proċedurali kollha.
B’reazzjoni għal dan il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li bl-approvazzjoni parlamentari qed titwettaq wegħda elettorali oħra, oriġinarjament din iċ-ċifra kienet ta’ €3,500 u kienet ittellgħet għal €5,000 fis-sena 2021 u bl-approvazzjoni li seħħ fl-10 ta’ Lulju issa ġiet irduppjata għal €10,000.
Barra min hekk, din il-liġi għall-ewwel darba ser tkun qed iddaħħal il-kunċett ta’ video conferencing fit-tribunal. Din l-għodda għandha tgħin fil-kumdità u l-effiċjenza tal-proċess.