Għas-seba’ sena konsekuttiva l-Ministeru għall-ekonomija, l-investiment u n-negozji żgħar flimkien mal-Università ta’ Malta preżentaw l-premju ta’ fond ta’ mitt elf ewro bl-isem ta’ Take Off Seed Fund.
Fost ir-rebbieħa kien hemm il-Professur Joseph Buhagiar bir-riċerka tiegħu għal prodott marbut mal-kura tax-xagħar.
Qal li sebgħa fil-mija tal-popolazzjoni dinjija għandhom kundizzjoni ta’ telf tax-xagħar partikolari.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ir-rebbieħa ta’ dan il-fond fi snin preċedenti, tkellmu fuq proġett imsejjaħ LEARND.
Jake Xuereb, l-iżviluppatur tal-proġett LEARND stqarr, “LEARND huwa sistema fejn studenti li għandhom bżonn għajnuna fuq ix-xogħol tal-iskola jistgħu jew isibu studenti iktar esperjenzati minnhom biex jgħinuhom jew tutri bil-warrant, edukaturi tal-iskejjel.”
Min-naħa tiegħu Luke Collins stqarr li l-fond tal-Gvern ta spinta kbira lil dak li kienu qed jaħdmu fuqu.
“Qabel kienet biss idea not even a business let alone a functioning product. Bis-saħħa ta’ dan l-award irnexxielna nġibu l-fondi biex inġibu xi developers xi marketers li għenuna nibnu il-prodott, bl-iskillset li mgħanniex u bis-saħħa tagħhom il-prodott sar realtà.” Saħaq Collins.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri fisser kif intraprendituri u riċerkaturi qed jibbenefikaw minn dan il-fond.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella saħaq li f’dawn l-aħħar seba’ snin rajna ffinanzjar pożittiv favur l-innovazzjoni.