“Jirbaħ l-establishment tal-Partit Nazzjonalista, l-istess wieħed li l-poplu warrab elezzjoni wara l-oħra”, qal fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista żied jgħid li l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista llum kkonfermat il-firda li teżisti bejn il-fazzjonijiet. Il-Partit Laburista saħaq li f’din l-elezzjoni reġa’ rebaħ l-establishment tal-Partit Nazzjonalista, dak tad-dinastiji passati, li l-poplu warrab elezzjoni wara l-oħra mill-2013 ‘l hawn.
Il-Partit Laburista sostna, “B’Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista se jmur lura għall-politika ta’ kontijiet ogħla, għall-politika migratorja li jidħol kulħadd f’pajjiżna u l-politika tal-kumpless ta’ inferjorità quddiem il-barrani li nbaxxu rasna għal kollox għalih. Kap bla viżjoni għall-pajjiż.”
“Filwaqt li l-għeruq tal-Partit Nazzjonalista bagħtu messaġġ b’saħħtu b’aktar minn 3,000 jagħżlu li jibqgħu d-dar, issa hemm bżonn li Grech, jekk irid jittieħed bis-serjetà, joħroġ nadif fuq il-ħlasijiet tat-taxxa u l-ħabi mid-dħul tiegħu”, tenna l-Partit Laburista.
“Fl-elezzjoni tal-lum rebħet il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li taqbel li jidħlu l-immigranti f’Malta. Rebħet il-fazzjoni ta’ Jason Azzopardi u ta’ Karol Aquilina. Politika li tifred flok tgħaqqad”, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.