Ilu aktar minn ħamsin sena fil-midja, u matulhom ma waqaf qatt minn fuq it-televiżjoni u radju fejn il-ħin kollu imidd idejh fil-kċina, bil-għan li joħroġ kull xorta ta’ platti biex jgħallem xi riċetta ġdida.
Anton B. Dougall, li huwa wieħed mill-aktar Chefs popolari fuq it-televiżjoni tant li ilu għaddej b’dan il-mestier, li anki ħareġ kotba.
Anton qal li l-passjoni lejn il-kċina ġiet mingħand nanntu li kellha dedikazzjoni kbira għat-tisjir u kien joqgħod isegwiha b’reqqa ssajjar għalih u għall-ħames ħutu subien.
Ma’ dan l-istazzjon, Anton B. Dougall spjega li hu ippubblika ħamsa u ħamsin ktieb ta’ tisjir bl-lingwi differenti.
Tenna, “L-ewwel ktieb li ktibt, kien madwar ħamsin sena ilu. Kont qed nara li kien hemm nuqqas kbir ta’ tagħlim tat-tisjir. Ngħidilkom qabel kulħadd kien isajjar it-tiġieġa kulħadd brodu, imbagħad il-forn. Meta dħalna, bdejna ngħidulhom kif issajjarha b’mod differenti.”
Anton kien ukoll ix-Chef responsabbli minn diversi promozzjonijiet tal-ikel Malti f’Londra, f’Pariġi, fl-Italja u fl-Afrika ta’ Fuq.
Fl-elf disa’ mija sebgħa u sebgħin, B. Dougall kien responsabbli mill-“Kors tal-ħut” waqt konferenza organizzata mill-pajjiżi tal-Commonwealth f’ġieh ir-Reġina Eliżabetta t-tieni, filwaqt li fl-elfejn u erbatax huwa kien responsabbli minn ikla f’ġieħ il-Prinċep William.
Huwa kien ukoll ix-Chef fil-Palazz ta’ Sant’Anton waqt il-Presidenza ta’ Anton Buttigieg.
Qal, “Kien gourme, kien jagħmel il-famuża torta tat-tin fejn kienu iġibu t-tin minn Għawdex. Kien jagħmel torta tajba immens. Minbarra li kien iħobb jiekol, kien iħobb jitkellem fuq l-ikel. Kien jgħidli biex inti tħobb l-ikel trid iduqu, tisimigħu, titkellem, tarah u trid taqrah, u b’hekk issir tħobb l-ikel.”
Anton B.Dougall kien ukoll l-ewwel chef fuq dan l-istazzjon fejn b’vuċi kajmana u b’diskors li jinftiehem minn kulħadd, kien jipprepara riċetti ġodda.
Stqarr, “Fit-tard kont niġi nirrekordja ġimgħa riċetti, u meta kont inkun imsiefer kont nagħmel għaxar riċetti u filgħodu kienet toħroġ riċetta, qasira mhux kbira, jew ħsieb fuq l-ikel x’għandna nagħmlu u x’ għandek tixtri, x’inhuwa abbundanti f’dak iż-żminijiet biex nużawh.”