Il-Partit Laburista baqa’ wieħed rebbieħ, għax fil-11-il sena li ilu fil-Gvern ma waqafx joħloq il-ġid. Il-Maltin u l-Għawdxin għarrfu li dak kollu li wettqu Gvernijiet Laburisti tul is-snin jiżboq bil-bosta dak li qatt irnexxielhom jagħmlu l-avversarji politiċi tiegħu.
Il-poplu Malti jaf jiżen sewwa min kapaċi joħloq il-ġid u jqassmu b’ġustizzja ma’ kulħadd, iżda l-aktar ma’ dawk l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà.
Stqarret dan il-kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew l-Avukat Marija Sara Vella Gafà, waqt li enfasizzat kif parti mill-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew hi li, bil-forċina tal-qrati, joħolqu sitwazzjoni bil-għan li l-poplu ma jkunx jista’ jikkonċentra fuq il-kisbiet u l-proposti tal-Partit Laburista. U minflok idawwar ħarstu lejn dak li għaddej dwar l-inkjesta, li b’kumbinazzjoni tlestiet fil-ħin li kellhom jiftħu n-nominazzjonijiet għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Vella Gafà fakkret li dawn huma l-istess nies li stqarrew kemm-il darba li f’dan il-pajjiż xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.
Hi kompliet li, b’li qed jagħmlu, in-Nazzjonalisti jridu jnessu li, bis-saħħa tal-Gvern Laburista, Malta llum għandha ekonomija b’saħħitha, xibka soċjali li tieħu ħsieb lil min hu l-aktar dgħajjef, sistema ta’ saħħa tal-ogħla kwalità u edukazzjoni li qed tħarreġ lill-istudenti għall-karrieri li qed jinħolqu.
Hu għalhekk li l-Partit Laburista jrid jagħti s-saħħa lill-Maltin u lill-Għawdxin, għax f’idejhom hi d-deċiżjoni importanti li jridu jieħdu dwar il-futur ta’ pajjiżna. Il-vot ta’ 8 ta’ Ġunju hu wieħed li se jiddetermina jekk pajjiżna jibdilx id-direzzjoni. L-elettorat irid jiddeċiedi li min irid jiddefendi lil Malta fil-fora Ewropej. Irid jiddeċiedu fuq il-prinċipji li jħaddnu l-Maltin u l-Għawdxin, fosthom dak tal-paċi fil-Mediterran, ekonomija b’saħħitha li taħdem favur ħaddiem bieżel, soċjetà li jimportaha mill-komunita li tgħix fiha, li tgħin lill-batut u tara li tibqa’ miexja ’l quddiem
Dr Marija Sara Vella Gafà, kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew