F’dinja diġitali li fiha b’għafsa ta’ buttuna jkollok l-informazzjoni kollha, għad hawn min jipprova jqarraq għal skopijiet partiġġjani.
Qal dan il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, wara li l-kandidat indipendenti Arnold Cassola talab lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Istandards biex jinvestiga lil Ministru Clifton Grima wara li, skontu, żgwida lill-Parlament.
L-eks chairperson tal-Alternattiva Demokratika allega li l-Ministru naqas li jagħti informazzjoni mitluba fil-Parlament dwar il-verifika mogħtija lill-American University of Malta biex il-liċenzja tagħha tiġi estiża.
Fuq il-Facebook, il-Ministru Grima rrimarka li kulħadd jista’ jaċċessa l-paġna tal-Awtorità għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla li fiha jsib ir-rapporti ta’ verifika ta’ kull istituzzjoni edukattiva liċenzjata biex topera f’pajjiżna.
Huwa qal li mhu se jħalli lil ħadd jipprova jħammeġ jew jattaka l-integrità tiegħu personali jew inkella x-xogħol siewi li qed tagħmel l-Awtorità.