Bosta fuq Facebook qed jaqsmu l-esperjenza tagħhom dwar kif raġel li għandu madwar 35 sena pprova jiffrodahom, bi wħud anke jammettu li rnexxielu.
Wieħed minnhom spjega li kien miexi max-Xatt ta’ Tas-Sliema meta dan it-tali waqqfu u staqsih jekk għarfux.
Il-konverżazzjoni kompliet billi dan qallu li hu jiġi t-tifel tal-kuġin. Għal mument dan ir-raġel ġie bejn ħaltejn u staqsih ta’ liema wieħed mill-kuġini hu iben, minħabba li għandu iktar minn kuġin wieħed. Ir-raġel l-ieħor wieġbu, “Aqta’!”.
L-ieħor beda jsemmilu l-ismijiet tal-kuġini tiegħu, u l-allegat frodist qabad isem minnhom u qallu li hu t-tifel ta’ dak.
Kien proprju dak il-ħin li l-allegat frodist qallu li kien sakkar iċ-ċavetta fil-karozza u li, lil min ċempel biex jiġi jiftaħlu l-bieba, talbu €125. Qallu li kulma kellu fuqu kienu €75 u li ma kellux biżżejjed biex iħallsu.
Għaldaqstant, talbu jistax isellfu €50.
Ir-raġel kien se jċempel lill-kuġin tiegħu biex jivverifika iżda, kif rah joħroġ il-mowbajl mill-butl-ieħor qallu biex jinsa kollox u telaq.
Malli l-allegat frodist telaq, ir-raġel xorta ċempel lill-qraba u deher biċ-ċar li ma kienx minnu li kien jiġi minnu.
Kien għalhekk li l-istess raġel kiteb fuq il-Facebook biex iwissi lin-nies, b’mod partikolari lil dawk li għandhom qraba anzjani, sabiex joqogħdu attenti biex ma jingidmux.
Kienu bosta li kkummentaw li ġratilhom l-istess ħaġa, bi wħud jiktbu li anke l-ġenituri tagħhom emmnu l-verżjoni ta’ dan ir-raġel, tant li tawh il-flus biex imbagħad,baturalment, qatt ma reġgħu rawh b’nemes.