Il-Ħadd filgħodu residenti u għaqdiet mhux governattivi attendew għal protesta rigward il-proġett tas-Central Link fl-inħawi tar-Rabat u Ħ’Attard.
Il-Proġett qed fil-proċess li jitwettaq sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin. Dan b’differenza għal Gvernijiet preċedenti li ħallewħ fuq l-ixkaffa għal 13-il sena sħaħ.
Intant għal din il-protesta attenda wkoll l-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li deher jieħu r-ritratti b’daħka liema bħala mad-dimostranti preżenti.
B’reazzjoni għal din il-protesta il-Ministeru għall Infrastruttura qal li ser jibqa’ jsostni u jikkomunika il-fatti dwar dan il-proġett fejn fost oħrajn qal kif mhuwiex minnu li dan il-proġett ser iwassal għall-ħerba mis-siġar kbar fl-inħawi.
Filfatt għall-kuntrarju tax-xniehat hemm barra l-istess Ministeru qal l-ebda siġra mit-Telgħa tas-Saqqajja mhi se tinqala’ u li b’dan il-proġett ser jinżergħu 285 siġra iktar milli hemm illum.
L-istqarrija qalet ukoll li fuq kollox il-proġett tas-Central Link se jnaqqas b’50% il-ħin ta’stennija għal eluf ta’ karozzi li jgħaddu minn din ir-rotta ta’ kuljum. Dan se jwassal sabiex l-emissjonijiet u t-tniġġis fl-arja jonqsu b’66%.
Il-proġett se jinkludi wkoll 51,000 metru kwadru ta’ żoni pedonali u ta’ spazji miftuħa biex jitgawdew mill-pubbliku. Dan filwaqt li se jkun hemm ukoll infrastruttura għal mezzi alternattivi bi 11,000 metru kwadru ta’ korsiji għaċ-ċiklisti.
Intqal ukoll kif fir-rigward taż-żona l-Gvern diġà ħa l-pass tas-sensibilità meta naqqas b’57% l-art agrikola li kienet se tittieħed fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti permezz tal-pjanijiet għall-bypass ta’ Ħ’Attard.
L-istess stqarrija żiedet tgħid kif dawn huma kollha fatti kkonfermati minn sindki differenti kif ukoll minn maġġoranza ta’ nies li jgħixu fl-inħawi u li diġà fehmu l-importanza ta’ dan il-proġett.
Madankollu l-istqarrija temmet tgħid li l-Gvern jirrispetta u jieħu nota ta’ fehmiet differenti minn gruppi differenti dwar kull tip ta’ proġett infrastrutturali. Fl-istess ħin jemmen li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fl-interess nazzjonali biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, inklużi tal-lokalitajiet ċentrali ta’ pajjiżna, li jixraqilhom jgħixu f’aktar sigurtà, b’inqas storbju u b’arja iktar nadifa.