Is-Sibt waranofsinhar, saret protesta kontra dak li qed jiġri f’Gaza fejn ta’ kuljum qed jintilfu ħajjiet innoċenti.
Din id-dimostrazzjoni saret fid-dawl tal-Gwerra bejn l-Iżreal u l-Palestina, li rat eluf ta’ persuni jitilfu ħajjithom, miż-żewġ naħat.
Waqt din id-dimostrazzjoni, li fiha ngħaqdu diversi Maltin u anki barranin, kien hemm sentiment ta’ solidarjetà mal-Palestinjani għal dak li qed jgħaddu minnu, fejn żewġ miljun u nofs Palestinjani, fi strixxa t’art id-daqs ta’ Malta, bħalissa jinsabu taħt bombardament bla waqfien.
Dan kollu qed isir fl-istess ħin li dawn il-persuni qed jiġu mċaħħda mill-ikel, l-ilma u l-fuel.
Diversi persuni żammew f’idejhom kartelluni bi stampi li juru l-qerda li qed tiddomina f’Gaza, filwaqt li oħrajn kellhom messaġġi ta’ tama u appelli ta’ għajnuna.
Wieħed mill-kartelluni wera lill-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von Der Leyen b’immaġini ta’ idejn ħomor u bil-kliem Blood on Your Hands.
Dan wara li dawn it-tnejn għamlu żjara f’Iżrael kważi xahar ilu, fejn appoġġjawh u tawh il-barka biex iwettaq dak li jrid f’Gaza, fl-istess ħin li ġew injorati l-liġijiet internazzjonali.
Minn dakinhar, it-tnejn kienu akkużati li ħadu pożizzjoni li qatt ma kellhom jieħdu f’isem l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw, u mingħajr lanqas biss ġabu l-approvazzjoni tal-istess istituzzjonijiet Ewropej u/jew fl-istess ħin tal-istati membri.
Waqt l-interventi tagħhom diversi kelliema kundannaw lil Roberta Metsola u qalu li qed tiffaċilita dak li qed iseħħ fir-reġjun.
Fl-intervent tiegħu Andre Callus akkuża lil Metsola li tfittex is-sound bite minflok il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Qal, “L-implikazzjoni ta’ dak li qalet, qaltilhom aħna qed nagħtukom il-permess tagħmlu li tridu. Morru oqtlu, morru biċċru, għax għandkom is-sapport tagħna. Spiċċat issa, b’idejha mċappsin mid-demm.”
L-Ambaxxatur Fadi Hanania, qal li illum Metsola kellha tkun magħhom f’din id-dimostrazzjoni u minħabba azzjonitha għandha d-demm fuq idejha.
Il-kelliema fil-protesta rringrazzjaw lill-President George Vella, lill-Prim Minisru Robert Abela u lill-Gvern Malti għall-ħidma u l-appoġġ tagħhom, u ħeġġew biex kulħadd isemma’ vuċi ta’ solidarjetà ma’ dawk f’Gaza.