Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol nieda l-ewwel qafas ta’ politika nazzjonali dwar il-homework mill-edukazzjoni bikrija sa tmiem is-sekondarja.
Politika, li hija msejsa fuq riċerka u evidenza lokali u internazzjonali, li mhix waħda preskrittiva waqt li toffri gwida ċara ħafna dwar il-valur reali tal-homework b’qies li jħalli effett fuq it-tagħlim tat-tfal u l-istudenti.
Politika li tipproponi dawn il-linji gwida:
- Kindergarten – L-ebda homework;
- Sena 1-2 tal-Primarja – Sa massimu ta’ 20 minuta kuljum;
- Sena 3-6 tal-Primarja – Sa massimu ta’ 30 minuta kuljum;
- Sena 7-8 fil-livell Medju – Sa massimu ta’ siegħa kuljum;
- Sena 9 -11 fil-livell Sekondarju – Sa massimu ta’ 8 sigħat fil-ġimgħa.
Dan il-qafas qiegħed jindirizza wkoll l-impatt li ħin ezaġerat fuq il-homework qiegħed ikollu fuq it-tfal kif ukoll in-nuqqas ta’ ħin meħtieġ biex it-tfal ikunu jistgħu jilgħabu, jistriħu u jirrilassaw, jissoċjalizzaw u jipprattikaw xi forma ta’ sport jew attivita’ kulturali.
Waqt laqgha ta’ konsultazzjoni flimkien mal-istudenti fl-iskola tan-Naxxar, il-Ministru ghall-edukazzjoni Evarist Bartolo spjega li din il-politika hija riżultat kemm ta’ riċerka dwar dan is-suġġett u kif ukoll ta’ esperjenzi ta’ għalliema, studenti u ġenituri. Dan filwaqt li zied jghid li kien ilu jinħass il-bżonn biex jiddaħħal sens ta’ bilanċ li bih ma jittellef xejn mit-tagħlim tat- tfal.
Huwa temm jghid li “it-tfal li diġa’ għandhom skeda mimlija se jsibu iżjed bilanċ u nifs b’dawn il-linji. Pero’ nixtiequ naraw lil dawk it-tfal li ma jieħdux sehem f’attivitajiet sportivi, soċjali u kulturali bħalissa biex jieħdu din l-opportunita’ u jużaw il-ħin b’mod għaqli. Nistieden lil ġenituri biex iħeġġu lit-tfal tagħhom jikkunsidraw li jissieħbu f’xi għaqda sportiva jew jieħdu sehem f’xi attivita’ kulturali jew ta’ volontarjat. Inqas homework m’għandux ifisser iktar televiżjoni jew logħob quddiem skrin, imma ħajja iktar miftuha. Anke hawnhekk, nerġgħu nisħqu kemm hu importanti l-qari, kemm b’mod indipendenti u kemm bħala familja.”
Il-Link għad-dokument dwar il-politika nazzjonali tal-homework tista ssibu fuq: edu.gov.mt/homework