F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Bank Nazzjonali tad-Demm, il-Forum Żgħażagħ Laburisti illum ressaq ‘il quddiem il-pozizzjoni tieghu dwar donazzjoni ta’ demm minn persuni gay.
Alex Saliba, President tal-FŻL qal li wasal iż-żmien biex tkun aġġornata din il-policy biex tkun pari passu ma pajjizi bhall-Istati Uniti, l-Italja u Franza fost l-oħrajn.
Huwa qal li f’każ quddiem il-Qorti Ewropea, kien ikkonfermat li l-projbizzoni għall-Irgiel omosesswali hija diskriminatorja. Il-Forum Żgħażagħ Laburisti qiegħed jipproponi tibdiliet biex raġel li jkollu kuntatt sesswali ma’ raġel ieħor ikun jista’ jagħti d-demm wara 12–il xahar li jkun sar l-att, u li għandu jkun ta’ 12–il xahar ukoll il-perjodu biex mara li kienet involuta f’att sesswali ma’ raġel li dan tal-aħħar kellu kuntatt sesswali ma’ raġel, tkun tista’ tagħti d-demm.
Apparti minn hekk l-FŻL enfasizza l-punt li ma teżisti ebda projbizzjoni jew differiment f’każ li mara jkollha relazzjoni sesswali ma’ mara oħra. Matul il-ġimgħa d-dieħla, l-FŻL se jkun qed iressaq il-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Ministri Helena Dalli u Chris Fearne.