L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin laqa’ l-istedina tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-White Paper għal titjib fil-qasam tal-medjazzjoni.
Wara li eżamina d-Dokument ta’ Konsultazzjoni, l-Istitut osserva li għalissa l-kunċett tal-medjazzjoni se jkun applikat għal kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kirjiet.
L-Istitut jemmen li hemm qasam ieħor fejn dan il-kunċett għandu jkun introdott, li huwa fil-każ tal-libelli.
Fi stqarrija osserva li f’numru konsiderevoli ta’ kawżi ta’ libell, f’xi stadju tal-kawża jew fil-fażi finali tagħha, issir dikjarazzjoni mill-kwerelat li timmitiga l-offiżi li dwarhom ikun ilmenta il-kwerelat u l-kawża tieqaf hemm.
Imma sadattant ikun inħela ħafna ħin tal-Qorti, ta’ avukati, xhieda u persuni oħra barra milli jkunu saru ħafna spejjeż inutli.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin hu konvint li jekk ikun hemm eżerċizzju ta’ medjazzjoni malli ssir il-kwerela, jista’ jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet u jiġi evitat ħafna ħela ta’ ħin u ta’ flus.
Filwaqt li l-Istitut iħeġġeġ lill-Gvern jikkunsidra din il-proposta, insista li kemm jista’ jkun malajr, il-Parlament għandu jilleġiżla biex jiddekriminalizza il-libell.