Huma ħafna dawk li wara 40 jum ta’ sawm jieklu l-ħelu tradizzjonali assoċjat ma’ dawn iż-żminijiet fosthom il-bajd tal-Għid u l-figolli.
ONE NEWS mar f’ħanut tal-ħelu fl-Imsida fejn tkellem mad-dulċier Luke Friggieri dwar il-preparamenti tad-dulċiera għal dawn il-festi.Mistoqsi dwar il-figolla tradizzjonali, dan id-dulċier spjegalna li għal dawn il-festi, id-dulċiera għamlu total ta’ 8500 figolla b’numru ta’ forom ta’ annimali differenti u tradizzjonali fosthom il-ħaruf. Friggieri spjegalna li sabiex saru dawn il-figolli intużaw aktar minn 1,500 kilogramma ta’ lewż pur. Ma’ One News, id-dulcier spjegalna li l-kumpanija għadha qed tuża l-istess riċetta tradizzjonali.
Friggieri spjegalna kif il-figolla hija tradizzjoni għal dawn iż-żminijiet għall-fatt li hemm storja ħelwa warajha. Spjega kif il-figolla bdiet bħala offerta, qabel bdiet it-tradizzjonu, u b’hekk għandha l-bajd imwaħħal magħha bħala sinjal ta’ fertilita’.
Apparti l-figolli, huma ħafna nies li jħobbu jieklu l-bajd tal-Għid fejn saħansitra wieħed jista jinnota l-kisi mill-isbaħ kif ukoll id-dettall fuq iċ-ċikkulata.
Għal dawn il-festi, dan id-dulċier żagħżugħ spjegalna li b’kollox intużaw total ta’ tliet tunnellati ta’ ċikkulata sabiex b’kollox ipproduċew 2,000 bajda tal-Għid.