Wara li l-Ħadd 7 t’April temm b’suċċess il-ġirja ta’ 100 kilometru madwar il-kosta ta’ Malta fi ftit aktar minn 11-il siegħa, l-atleta Miguel Mifsud il-Ħamis iltaqa’ mad-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, fejn ippreżenta donazzjoni ġeneruża li nġabret fl-istess attività għall-karità.
Fil-fatt Mifsud ippreżenta s-somma ta’ €6,100 li nġabret b’dan il-għan altruwistiku fejn ried jagħti lura lin-nies fil-bżonn li huma mgħejjuna minn din l-organizzazzjoni. Fil-passat Miguel għamel żmien ta’ riabilitazzjoni hu nnifsu fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq sustanzi.
Id-Direttur tal-Caritas esprima l-apprezzament tiegħu lejn Miguel għall-inizjattiva u lejn kull min ta donazzjoni.
“Dawn il-fondi se jkunu ta’ sostenn għal dawk l-aktar persuni vulnerabbli, is-servizzi ta’ Caritas Malta huma kollha bla ħlas. Hu ta’ sodisfazzjon kbir li nnotajna li numru ta’ persuni għamlu l-ewwel pass u resqu għall-għajnuna wara l-kuraġġ li ħadu mingħand Miguel. Kien mument sabiħ ħafna li naraw l-entużjażmu ta’ numru ta’ residenti miċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar, ta’ San Blas u ta’ Dar Charles Miceli, flimkien ma’ staff li għamlu biċċa mill-ġirja miegħu,” qal Gatt.
Hu temm jgħid li l-Caritas tħares ’il quddiem biex tkompli taħdem ma’ Miguel Mifsud f’aktar avvenimenti u avventuri simili fejn, permezz ta’ dan l-ispirtu, iwasslu l-messaġġ dwar is-sabiħ tal-ħajja ’l bogħod mid-dipendenza fuq id-droga.
Min-naħa tiegħu, Miguel qal li “bħalma jien, fil-passat, gawdejt mill-frott ta’ donazzjonijiet li ngħataw, illum inħossni kburi li nista’ nagħti lura ftit minn dan il-frott għal dawk il-persuni li qed ifittxu l-għajnuna tal-Caritas.”
Minbarra ġbir ta’ fondi b’riżq il-Caritas, Miguel kien strumentali fejn permezz ta’ diversi intervisti, li għamel fuq il-midja, biex iwassal messaġġ ċar li l-attività fiżika żżommok ’il bogħod mid-droga.