Żewġ persuni nżammu arrestati wara li dehru quddiem il-Qorti b’rabta ma’ każ ta’ vandaliżmu fuq vettura tat-tip Ford Transit li allegatament ingħatat in-nar f’Ħal Qormi l-ġimgħa li għaddiet.
Nurton Borg ta’ 24 sena mill-Gżira u Luca Emanuele Corito ta’ 18-il sena, tressqu sepratament quddiem il-Qorti, l-Erbgħa filgħodu b’rabta ma’ dan il-każ.
Il-Prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras spjegat li l-Pulizija mit-Taqsima tar-reati maġġuri ħadmet ma’ taqsimiet oħra mill-Korp tal-Pulizija sabiex identifikaw il-vettura li użaw l-akkużati biex jaslu fuq il-post fejn allegatament tqabbdet il-vettura.
Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li fil-karozza kien hemm persuna oħra flimkien mal-imputati.
Borg permezz tal-Avukat tiegħu ammetta li ħaraq il-karozza madankollu m’ammettiex għall-akkużi kif imressqa mill-Pulizija.
Corito ċaħad l-akkużi u oġġezzjona kif kienu miġjuba l-akkużi kontrih.