Vincenzo Senzaro u Marco Coniglio, żewġ Taljani, ta’ 24 u 52 sena, rispettivament, inżammu arrestati wara li wieġbu ħatja li serqu vann.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, intqal kif l-imputati, li wieħed minnhom huwa f’siġġu tar-roti, u li għandhom il-vizzju tad-droga, inqabdu jisirqu fil-fatt.
Ġie spjegat kif nhar it-28 ta’ Marzu, il-Pulizija rċiviet telefonata fuq il-linja tal-Emerġenza, 112, fejn raġel irraporta li kien insteraqlu vann. Wara tfittxijiet li saru mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit, sa ftit sigħat wara, rriżulta li l-vann kien jinsab fi Triq tal-Barrani f’Ħal Tarxien, u b’hekk l-imputati ġew arrestati minnufih.
Kien għalhekk li Senzaro, li joqgħod Wied il-Għajn, ingħata s-sentenza ta’ priġunerija, wara li kien il-moħħ wara din is-serqa.
Dan filwaqt li Coniglio, li m’għandux residenza jew impjieg fiss, ingħata sentenza ta’ sitt xhur priġunerija.
It-tnejn li huma ingħataw ordni ta’ trattament għal sentejn, b’rabta mal-vizzju tad-droga.
F’messaġġ li għadda l-Maġistrat Joe Mifsud qal li ladarba qegħdin f’pajjiżna, l-imputati jridu jimxu mal-liġijiet ta’ pajjiżna, u mhux jiġu f’pajjiżna u jallarmaw lin-nies għalxejn.